Il-paġna It-Temp Madwarna spjegaw li għaddew madwar tliet xhur minn meta Malta rat l-aħħar xita sinifikanti u mifruxa mal-pajjiż kollu. Din kienet fis-17 ta’ Mejju 2026, meta kienet tkejlet medja ta’ madwar 4mm ta’ xita.
Minn dakinhar, apparti ftit taqtir tax-xita tal-ħamrija u xi ragħad lejn l-aħħar ta’ Lulju, is-sajf meteoroloġiku ta’ din is-sena kien wieħed pjuttost kwiet. Fost il-ftit fenomeni li spikkaw kien hemm iċ-ċpar f’nofs Lulju, segwit minn mewġa ta’ sħana estrema bejn is-17 u t-22 ta’ Lulju.
Intant, ftit kilometri biss ’il bogħod minn Malta, fi Sqallija qed ikunu osservati diversi drabi sħab u rjus tal-maltemp matul is-sigħat ta’ waranofsinhar.
Minkejja li x-xitwa li għaddiet kienet waħda pjuttost sodisfaċenti f’dak li għandu x’jaqsam max-xita, in-nixfa issa bdiet tinħass sew, partikolarment minħabba t-temperaturi għoljin li komplew jippersistu f' dawn l-aħħar ġimgħat.
Facebook/ Ritratt ta’ Daniel Muscat Caruana mill-paġna ‘It-Temp Madwarna’