“Kien L-Isbaħ Żmien Ta’ Ħajti” – Shirley Cauchi Tfakkar Lil Żewġha Ġorġ Mallia

B’niket tħabbret il-mewt tas-Sur Ġorġ Mallia: akkademiku, awtur, illustratur u cartoonist Malti. Martu, Shirley Cauchi, qasmet din l-aħbar permezz ta’ messaġġ sentimentali fuq il-midja soċjali.

Shirley irrakkontat kif sa ftit sigħat qabel, Ġorġ kien għadu qed jaħseb fiha u jinkoraġġiha biex tieħu ħsieb lilha nnifisha. It-tnejn kienu qed jistennew bil-ħerqa s-7 ta’ Settembru, meta kienu se jagħlqu tliet xhur miżżewġin.“Tliet xhur... kemm gawdejna lil xulxin ftit,” kitbet Shirley. Hija spjegat li kienu ilhom tliet snin f’ħajjet xulxin, wara li qabel kienu ilhom sentejn ħbieb.

Fil-messaġġ tagħha, Shirley fakkret il-qalb kbira ta’ Ġorġ, l-umiltà tiegħu u l-mod kif matul is-snin għamel differenza  fil-ħajja ta’ tant studenti, kollegi, ħbieb u persuni oħra permezz tax-xogħol u l-kreattività tiegħu. Il-mewt tiegħu waslet ħesrem. Shirley qalet li kienu qed jittamaw li l-ġimgħa d-dieħla Ġorġ ikun jista’ jirritorna lura d-dar. Minflok, issa qed tħabbat wiċċha ma’ telfa li ddeskriviet bħala qalb “maqsuma f’elf biċċiet”.

Fost l-aktar kliem li jolqot fil-messaġġ tagħha, Shirley kitbet: “Jien ħabbejtek mhux għat-titli tiegħek, mhux għax kont popolari, mhux għall-pożizzjoni tiegħek... Ħabbejtek għall-umiltà, l-umanità u l-qalb kbira tiegħek.”Hija temmet b’wegħda lil żewġha: “Ġorġ, int se tibqa’ f’ħajti għal dejjem... mhu se ninsik QATT!”

Il-kondoljanzi tagħna jmorru lejn Shirley, il-familja, il-ħbieb, il-kollegi u dawk kollha li kellhom ix-xorti li jsiru jafu lil Ġorġ. Strieħ fis-sliem.

Ritratti:

Facebook/ Shirley Cauchi u Ġorġ Mallia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI