L-isptar tal-annimali f'Ta' Qali ġie ristrutturat u attrezzat b'apparat modern biex fi ftit żmien ieħor jibda jintuża wkoll mill-istudenti tal-MCAST li qegħdin isegwu l-kors tal-veterinarji li issa beda jiġi offrut f'Malta filwaqt li jservi wkoll bħala sptar tal-annimali.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri flimkien ma' uffiċjali tal-MCAST żar l-aħħar xogħlijiet li qegħdin isiru fl-isptar tal-annimali biex mis-sena akkademika li jmiss jibda iservi għat-taħriġ prattiku tal-istudenti li qegħdin isegwu l-korsijiet li jwasslu għal Master of Science in Veterinary Medicine u l-Bachelor of Science (Honours) in Animal Management and Veterinary Nursing.
“B'dan l-isptar tal-annimali qed ninvestu fl-infrastruttura meħtieġa biex l-MCAST jipprovdi t-taħriġ kliniku u prattiku fis-servizzi veterinarji tal-ogħla livell.
B'hekk nassiguraw li l-istudenti jiksbu esperjenza prattika u professjonali fil-kura veterinarja mill-proċeduri dijanjostiċi sa interventi kirurġiċi fuq l-annimali," qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri qal li l-koperazzjoni tal-MCAST mal-Università ta' Barċellona għal dawn il-korsijiet kompliet tissaħħaħ tant li l-ewwel grupp ta' studenti Maltin anke ngħataw l-opportunità li jagħmlu xahar ta' taħriġ kliniku fl-Università ta' Barċellona.
Il-Ministru Camilleri qal li dawn il-programmi edukattivi sa ftit snin ilu ma kienux isiru f'Malta u kien bl-impenn tal-Gvern li l-MCAST kiseb l-esperjenzi professjonali meħtieġa biex joffri dawn l-opportunitajiet.
B'dan l-isptar, filfatt, ser ikun parti integrali mit-taħriġ tal-istudenti, partikolarment hekk kif javvanzaw fl-MSc ta' ħames snin u jiżdied il-komponent kliniku tal-programm.
Il-faċilità se tippermettilhom jaħdmu taħt superviżjoni ma' annimali u każijiet kliniċi reali, u jiksbu esperjenza fi proċeduri dijanjostiċi, trattamenti, kif ukoll interventi mediċi u kirurġiċi. B'hekk, l-għarfien xjentifiku miksub matul l-istudji jkun jista' jitqiegħed fil-prattika f'ambjent kliniku.

Il-Ministru spjega li d-domanda għal dawn is-servizzi qiegħda kull ma jmur tiżdied waqt li nnota b'sodisfazzjon in-numru sabiħ ta' studenti li diġà qegħdin isegwu dawn il-korsijiet u n-numru akbar li din is-sena applikaw għalihom.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Stephen Vella, tenna li “hekk kif qed inħejju għal sena akkademika ġdida, irridu nkomplu noħolqu opportunitajiet ġodda għall-istudenti tagħna.
L-investiment tagħna fl-istudji veterinarji huwa parti minn dan l-impenn, billi nagħtu lill-istudenti l-opportunità li jistudjaw, jitħarrġu u jiksbu esperjenza prattika f'Malta, filwaqt li jħejju ruħhom għal professjoni li pajjiżna għandu bżonn."
L-ewwel grupp ta' studenti tal-Master of Science in Veterinary Medicine ser jiggradwaw mill-MCAST fl-2029 u jkunu jistgħu jiksbu l-warrant professjonali li jkun rikonoxxut kemm f'Malta kif ukoll fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.