Il-festa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema se tkompli għaddejja b’ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ dan is-Sibt, 22 ta’ Awwissu, hekk kif is-sema fuq ix-Xatt ta’ Tas-Sliema se jinxtegħel b’wirja spettakolari ta’ logħob tan-nar organizzata mill-Għaqda tan-Nar Stella Maris. Il-festa ta’ Stella Maris hija fost l-avvenimenti tradizzjonali li ta’ kull sena jagħtu ħajja lil Tas-Sliema matul is-sajf, b’numru kbir ta’ Maltin u turisti jżuru l-lokalità biex igawdu l-atmosfera, it-tiżjin u t-tradizzjonijiet marbuta mal-festa.

Wieħed mill-aktar mumenti mistennija għal din is-sena huwa proprju Stars of Fire, spettaklu piro-mużikali li jgħaqqad il-ġmiel u l-kulur tal-logħob tan-nar mal-mużika. L-istorja ta’ Stars of Fire bdiet madwar għaxar snin ilu, meta l-membri tal-għaqda wettqu x-xewqa tagħhom li jippreżentaw spettaklu fejn il-logħob tan-nar ikun sinkronizzat mal-mużika. Minn hemm ’il quddiem, din il-wirja kompliet tikber u saret parti ferm mistennija miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa.
Din is-sena, dawk preżenti jistgħu jistennew varjetà ta’ effetti pirotekniċi kkoordinati mal-mużika, li se joħolqu spettaklu ta’ kulur u dawl fuq il-baħar u tul il-kosta Slimiża. Eluf ta’ nies mistennija jinġabru tul il-promenade biex isegwu dan l-ispettaklu. Stars of Fire għalhekk iwiegħed li għal darb’oħra jagħti serata memorabbli lil dawk kollha li se jkunu qed jiċċelebraw il-festa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema.