“Mhux Qed Niġbru L-Ismijiet. Qed Nidfnu N-Nisa” – Il-Malta Women’s Lobby B’Appell Qawwi Wara L-Qtil Ta’ Charlotte Zammit

Il-Malta Women’s Lobby ħarġet stqarrija qawwija hekk kif illum, 21 ta’ Awwissu, qed tingħata l-aħħar tislima lil Charlotte Zammit. L-għaqda sostniet li mill-1978 ’l hawn, aktar minn 40 mara f’Malta u Għawdex inqatlu minn sieħeb, eks sieħeb, għarus jew irġiel oħra magħrufa magħhom. “Mhux qed niġbru l-ismijiet. Qed nidfnu n-nisa,” huwa l-messaġġ qawwi li wasslet.

Fl-istqarrija ġie kkundannat ukoll it-twaħħil tal-ħtija fuq il-vittmi, filwaqt li saret kritika dwar każijiet fil-qrati li jdumu s-snin u dwar sitwazzjonijiet fejn ikunu n-nisa u t-tfal li jkollhom jitilqu mid-dar biex ikunu siguri.

L-għaqda saħqet ukoll fuq il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni dwar il-kunsens, il-kontroll f’relazzjoni, l-abbuż finanzjarju u l-għira li xi drabi tiġi ppreżentata bħala mħabba. Skont il-Malta Women’s Lobby, dawn il-konversazzjonijiet għandhom jibdew minn età żgħira u jsiru fl-iskejjel, fil-klabbs sportivi, fl-għaqdiet taż-żgħażagħ u f’postijiet oħra fis-soċjetà.

Il-Malta Women’s Lobby qed tappella lill-Gvern biex il-prevenzjoni tal-femiċidju, ir-riforma fil-qrati u t-tneħħija tal-aggressuri mid-dar tal-familja jingħataw prijorità.

"Sirna effiċjenti fil-luttu u negliġenti fil-prevenzjoni," sostniet l-għaqda, filwaqt li saħqet li hemm bżonn azzjoni konkreta bejn każ u ieħor biex jiġu protetti aktar nisa.

Ritratti:

Facebook / Women’s Lobby Group

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI