Minn mument ta’ niket ħareġ ġest tassew sabiħ ta’ solidarjetà, hekk kif il-memorja ta’ Redeemer Grima ġiet imfakkra permezz ta’ donazzjoni kbira lill-Association for Abandoned Animals (AAA).
Redeemer kien tilef ħajtu traġikament fl-età ta’ 41 sena. Waqt il-funeral tiegħu, il-familja u l-ħbieb ingħaqdu flimkien sabiex jinġabru l-fondi b’tifkira tiegħu. Dawn il-fondi wasslu għal donazzjoni kbira ta’ ikel għall-klieb li ngħatat lill-AAA, sabiex tgħin lill-annimali li jinsabu taħt il-kura tagħhom.
“X’mod sabiħ kif tonoraw il-memorja tiegħu,” kitbet l-assoċjazzjoni kif ukoll irringrazzjat lil dawk kollha involuti. L-AAA wasslet ukoll il-kondoljanzi tagħha lill-familja ta’ Redeemer, b’mod partikolari lil ommu u lil ħutu bniet, li skonthom ilhom jagħtu l-għajnuna tagħhom bħala voluntiera, l-aktar billi jiġbru affarijiet bħal friex u provvisti għall-klieb fix-xelter.
B’hekk, f’mument daqstant diffiċli għall-qraba u l-ħbieb tiegħu, il-memorja ta’ Redeemer qed tkompli tagħmel il-ġid u tgħin lil dawk l-annimali kollha li jinsabu fil-bżonn.
Facebook/ AAA