Fit-8.00 ta’ filgħodu, Santa Liena toħroġ mill-Bażilika biex tagħti l-barka tagħha lill-poplu Karkariż, f’mument li għal ħafna hu speċjali għax hu l-qofol tal-festa.
Clifford Gaela ddeskriva dan, bħala “l-iżjed appuntament li ma jitlob l-ebda skuża għax kmieni”, filwaqt li enfasizza l-karattru uniku tal-festa ta’ Santa Liena, li hija l-unika festa li fiha l-vara tinħareġ filgħodu.
Il-vara, li tmur lura għall-1837, hija xogħol l-iskultur Malti, Salvu Psaila u kienet rigal tal-patrijott Karkariż Vincenzo Borg, magħruf bħala Brared. L-istatwa hija maħduma mill-injam, polikromata u ndurata, u matul is-snin saret parti importanti mill-wirt tal-komunità Karkariża.
Wieħed mill-aktar mumenti spettakolari u emozzjonanti huwa meta l-vara, miżmuma fuq spallejn il-partitarji tagħha, tittella’ bil-ġirja fit-taraġ tal-Bażilika, quddiem folla kbira li tinġabar biex tgħix dan il-mument partikolari.
Skont Gaela, mumenti bħal dawn iġorru magħhom ħafna aktar minn sempliċi tradizzjoni. Fihom jinġabar wirt storiku, kulturali u tradizzjonali, iżda wkoll dimensjoni emozzjonali u komunitarja li tgħaqqad lill-poplu Karkariż.
Hija mħabba lejn il-festa u lejn il-komunità li, kif kiteb Gaela, kultant tkun diffiċli tispjegaha bil-kliem, iżda tinħass b’mod qawwi f’mumenti bħal dawn.
Facebook/Clifford Galea