Illum, it-Tnejn 24 ta’ Awwissu, il-Parroċċa ta’ Ħal Balzan qed tagħti merħba lil Fr Bernard Micallef, li se jkun l-Amministratur Parrokkjali l-ġdid u s-27 Kappillan tal-parroċċa. Fr Bernard twieled Ħal Tarxien fil-15 ta’ Awwissu 1988 u ġie ordnat saċerdot fis-7 ta’ April 2018. Interessanti li kemm il-parroċċa ta’ Ħal Tarxien, fejn twieled, kif ukoll dik ta’ Ħal Balzan huma ddedikati lill-Madonna tal-Lunzjata.
Huwa rċieva l-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof u temm l-istudji filosofiċi u teoloġiċi fl-Università ta’ Malta. Għandu wkoll Baċellerat fil-Politika Soċjali. Tul il-ministeru tiegħu, Fr Bernard serva bħala Viċi Arċipriet fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi bejn l-2018 u l-2023, filwaqt li bejn l-2020 u l-2023 kien ukoll Chaplain fil-Junior College. Għal dawn l-aħħar tliet snin serva bħala Viċi Arċipriet fil-Parroċċa ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun.
Fr Bernard għandu wkoll diversi rwoli oħra, fosthom bħala membru fil-Kummissjoni Djoċesana Sport u Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK). Huwa membru tal-Kapitlu Ġorġjan u tal-Kapitlu Senglean, bħala Kanonku Onorarju tal-Kolleġjata Bażilika u Santwarju ta’ Marija Bambina.
Il-Parroċċa ta’ Ħal Balzan qalet li fil-jiem li ġejjin il-komunità se jkollha l-opportunità ssir taf aktar lil Fr Bernard, filwaqt li awguratlu għal din il-missjoni ġdida u wegħditu t-talb tagħha. Nawguraw lil Fr Bernard Micallef kull ġid f’dan il-kapitlu ġdid fil-ħidma pastorali tiegħu fost il-komunità Balzanija.
Facebook / Bernard Micallef