Undine LaVerve esprimiet id-diżappunt tagħha wara numru ta’ kummenti negattivi li tħallew fuq il-midja soċjali b’rabta ma' kitba dwar il-bidu tal-Malta Pride Week fl-4 ta’ Settembru.
Hi qalet, “Qomt ixxukkjata meta rajt daqstant kummenti negattivi fuq it-tħabbira ta’ Bay Radio rigward il-Malta Pride Week. Aħna ngħixu f’pajjiż li għamel progress inkredibbli u aħna nħobbuha ħafna lil Malta! Iżda mhux se nkunu kuntenti biss għax il-liġi mxiet ’il quddiem qabel ma mxew ’il quddiem l-attitudnijiet tan-nies. Verament ħsibna li Malta kienet imxiet aktar minn hekk. Forsi hu proprju għalhekk li l-Pride għadha importanti.”
Fil-fatt, f'ritratti li qasmet hi stess dehru għadd ta’ kummenti negattivi, fosthom minn persuni li ta’ spiss jikkummentaw fuq il-midja soċjali dwar kitbiet relatati ma’ suġġetti LGBTIQ+. Xi wħud saħansitra rreferew għall-Pride Week bħala “ħmieġ”.
F’ritratt ieħor, LaVerve sostniet li Malta hija “wieħed mill-aktar pajjiżi progressivi u favur persuni LGBTQ+ fl-Ewropa”, u qalet li hi u l-maħbuba tagħha jafu kemm huma xxurtjati.
“Qatt ma ħassejna ruħna f'periklu meta żammejna idejn xulxin, meta konna aħna nfusna jew meta nħobbu lil xulxin hawnhekk. Iżda l-progress ma jfissirx li x-xogħol spiċċa,” żiedet tgħid.
Dwar dan tkellmet ukoll l-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar. Hi qalet, “Meta tara baħar ta’ kummenti mimlijin mibgħeda dwar il-Pride, tibda tifhem eżatt għaliex il-Pride għadu daqshekk importanti. Malta għamlet progress enormi fil-qasam tal-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili, u għandna nkunu kburin b’dak li ksibna. Iżda l-liġijiet waħedhom ma jbiddlux l-attitudnijiet. L-ugwaljanza mhijiex qasam fejn nistgħu noqogħdu komdi u ngħidu li għamilna biżżejjed. Hija ħidma dinamika li trid tibqa’ tirrispondi għar-realtajiet tal-ġurnata u għall-esperjenzi tan-nies.”
Żiedet, “Il-Pride mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-progress li għamilna. Huwa wkoll dikjarazzjoni ċara li kulħadd jistħoqqlu jgħix b’dinjità, rispett u mingħajr biża’ li jkun min hu. Sakemm għad hemm min jagħżel il-mibgħeda u preġudizzju minflok ir-rispett u l-imħabba, il-Pride jibqa’ importanti.”
Rosianne Cutajar