“Kinda Chic” – Jaimeline Farrugia Tuża Trend Popolari Biex Tagħmel Il-Kanċer “Ftit Inqas Tal-Biża’”

Il-psikoterapista lokali Jaimeline Farrugia qed tuża trend popolari fuq il-midja soċjali biex twassal messaġġ ferm aktar profond – dak ta’ kuraġġ, pożittività u għarfien dwar il-kanċer. Permezz tat-trend “Kinda Chic”, Jaimeline qed taqsam b’mod ħafif iżda sinċier aspetti differenti mill-esperjenza tagħha, filwaqt li turi kif anke f’mumenti diffiċli wieħed jista’ jipprova jsib ftit dawl u pożittività.

Fost l-affarijiet li semmiet, Jaimeline qalet li huwa “kinda chic” li tipprova stili ta' xagħar differenti qabel ma tqaxxar xagħrek. B’dan il-mod, qed titkellem dwar realtà diffiċli b'mod li jista’ jgħin biex ineħħi ftit mill-biża’ marbuta magħha. Fil-messaġġ tagħha tenfasizza wkoll l-importanza li persuna tieħu ħsieb tagħha nnifisha, issib il-pożittiv fejn possibbli u tibni sistema ta’ sapport b’saħħitha madwarha.

Jaimeline tkellmet ukoll dwar kemm hu importanti li nibqgħu nifirħu bis-suċċessi ta’ ħaddieħor, anke meta aħna stess inkunu għaddejjin minn perjodu li mhux faċli. Permezz tal-pjattaforma tagħha fuq il-midja soċjali, hija qed tipprova toħloq spazju ta’ inkoraġġiment u għarfien għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor intlaqtu mill-kanċer.

Jaimeline spjegat li ddeċidiet li tingħaqad mat-trend bit-tama li, ma’ kull post li taqsam, jirnexxilha tagħmel il-kanċer jidher “ftit inqas tal-biża’”. Messaġġ li jfakkarna li l-umoriżmu, il-pożittività u s-sapport ta’ dawk ta’ madwarna jistgħu jkunu importanti ferm meta l-ħajja tippreżentalna wieħed mill-aktar kapitli diffiċli tagħha.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI