Chloe, Mireille U Dawn – It-Tliet Kantanti Maltin Minn La Voix Studios Li Rebħu Unuri Fil-Microfono D’Oro F’Ruma

Tliet kantanti Maltin kisbu riżultati mill-isbaħ waqt il-Microfono d’Oro f’Ruma, l-Italja, fejn mhux biss ħallew marka bil-vuċijiet tagħhom iżda fetħu wkoll bibien għal opportunitajiet ġodda fix-xena mużikali Taljana. La Voix Studios qasmet l-aħbar fuq il-midja soċjali, filwaqt li esprimiet il-kburija tagħha għas-suċċess miksub minn Chloe Borg, Mireille McKay u Dawn Desira.

Chloe Borg kisbet is-Super Grandprix fil-kategorija Junior, filwaqt li Mireille McKay rebħet is-Super Grandprix fil-kategorija Young. Min-naħa tagħha, Dawn Desira kisbet il-Grandprix fil-kategorija Senior. Din l-esperjenza kienet waħda aktar speċjali għal La Voix Studios hekk kif il-fundatriċi Gillian Attard kellha wkoll l-unur li tkun parti mill-ġurija tal-kompetizzjoni.

“Prosit lil Chloe, Mireille u Dawn! It-talent, id-dedikazzjoni u x-xogħol iebes tagħkom ikomplu jagħmlu lil La Voix Studios u lil Malta kburin immens. Dan huwa biss il-bidu,” kitbet La Voix Studios. Riżultat mill-isbaħ għal dawn it-tliet kantanti Maltin, li permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’Ruma komplew juru t-talent lokali lil hinn minn xtutna.

F’isem Gwida.mt, nifirħu lil Chloe, Mireille u Dawn u nawgurawlhom aktar suċċessi fil-karriera mużikali tagħhom!

Ritratti:

Facebook / La Voix Studios

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI