Bil-Filmat: “Ġejt Hawn B’Ħolma, Iżda Se Nitlaq B’Ħafna Aktar” – Nicole Spiteri Qabel Il-Finali Ta’ Miss World

Miss World Malta Nicole Spiteri tinsab fl-aħħar jiem tal-avventura tagħha fil-Vjetnam, hekk kif fadal biss ġimgħa għall-finali tant mistennija ta’ Miss World. F’messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Nicole ħarset lura lejn il-vjaġġ li wassalha minn tfajla li xi darba kienet tiddubita minnha nnifisha għal mara li llum qed tirrappreżenta lil Malta fuq il-palk internazzjonali ta’ Miss World.

“Mit-tifla ċkejkna li darba kienet tiddubita minnha nnifisha, sal-mara li tinsab hawn illum tirrappreżenta lil Malta fuq il-palk ta’ Miss World,” kitbet Nicole. Hija spjegat li din l-esperjenza kienet tfisser ferm aktar minn kuruni, ilbiesi u catwalks. Il-vjaġġ sfidaha, għenha tikber u wassalha biex toħroġ miż-żona ta’ kumdità tagħha, filwaqt li kompliet tiskopri l-mara li qed issir.

Iż-żmien li qattgħet fil-Vjetnam taha wkoll memorji u ħbiberiji li se tibqa’ ġġorr magħha, kif ukoll lezzjonijiet u opportunitajiet biex tuża leħinha għal skop akbar. “Ġejt hawn b’ħolma, iżda se nitlaq b’ħafna aktar, qalb aktar b’saħħitha, skop aktar ċar u twemmin akbar fija nnifsi,” sostniet Nicole.

Hija rringrazzjat ukoll lil dawk kollha li appoġġjawha minn Malta u minn madwar id-dinja, partikolarment f’dawk il-mumenti meta sabitha diffiċli biex temmen fiha nnifisha. Nicole temmet il-messaġġ tagħha billi qalet li, irrispettivament minn fejn se jwassalha dan il-vjaġġ, se tibqa’ dejjem grata li kellha l-opportunità ġġorr it-titlu ta’ Miss World Malta.

Issa l-attenzjoni ddur lejn il-lejla finali ta’ Miss World, b’Nicole lesta tkompli ttajjar il-bandiera Maltija fuq dan il-palk internazzjonali.

F’isem Gwida.mt, nawguraw lil Nicole l-isbaħ xewqat għal din l-aħħar ġimgħa u, fuq kollox, għall-finali!

Ritratti:

Facebook / Nicole Spiteri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI