Student Jispiċċa Sturdut Waqt Eżami Minħabba S-Sħana – Jappella Għal Kundizzjonijiet Aħjar Waqt Ir-Resits

Student li bħalissa jinsab għaddej mill-eżamijiet tar-resit tal-A-Level u l-Intermediate qasam l-esperjenza tiegħu wara li sostna li s-sħana qawwija fil-klassijiet fejn saru l-eżamijiet għamlitha diffiċli għalih biex jikkonċentra u jagħti l-aħjar tiegħu. L-istudent spjega li waqt l-eżami tas-SOK fil-Junior College, madwar 25 student kienu jinsabu fi klassi żgħira fejn, skontu, kien hemm biss erba’ fannijiet żgħar imwaħħlin mal-ħajt.

“Il-kundizzjonijiet tant kienu diffiċli li spiċċajt kelli noħroġ mill-klassi u mmur it-toilet biex naħsel wiċċi, peress li bdejt inħossni sturdut u ma stajtx nibqa’ nikkonċentra fuq l-eżami,” kiteb. Jgħid li l-għada sab ruħu f’sitwazzjoni simili waqt eżami ieħor f’St Aloysius College. Skont l-istudent, ma kienx waħdu li ħass l-effetti tas-sħana, hekk kif sostna li erba’ studenti oħra esperjenzaw diffikultajiet simili.

Ritratt: Matteo Abela - Are You Being Served ? (Malta & Gozo) Original

Huwa ddeskriva bħala inaċċettabbli li studenti jkollhom jagħmlu eżamijiet importanti f’kundizzjonijiet fejn is-sħana u n-nuqqas ta’ ventilazzjoni adegwata jistgħu jaffettwaw il-konċentrazzjoni tagħhom. Fl-appell tiegħu, l-istudent talab ukoll lill-MATSEC biex tirrevedi l-għażla tal-postijiet fejn isiru l-eżamijiet u l-ippjanar tagħhom, partikolarment meta l-pajjiż ikun qed jesperjenza kundizzjonijiet ta’ sħana qawwija.

Huwa semma wkoll il-ħtieġa li, fejn possibbli, jiġi evitat li studenti jkollhom żewġ eżamijiet importanti wara xulxin, speċjalment meta l-kundizzjonijiet tat-temp ikunu qed jagħmlu l-esperjenza aktar diffiċli. “Aħna l-istudenti qed nagħmlu l-almu tagħna biex nirnexxu u nibnu futur sod. Għalhekk, nemmen li l-istudenti għandhom jingħataw l-ambjent u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod ġust,” temm jgħid.

Minkejja l-esperjenza tiegħu, l-istudent irringrazzja lill-inviġilaturi għall-għajnuna li tawh meta beda jħossu ma jiflaħx waqt l-eżamijiet.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI