Pilota Tal-Forzi Armati Ta’ Malta Jingħata Rwol F’Film Li Parti Minnu Ġie Ffilmjat F’Pajjiżna

Pilota tal-Forzi Armati ta' Malta ngħata rwol fil-film 'Mutiny' li parti minnu ġie ffilmjat proprju f'pajjiżna. Dan il-film għadu kif ħareġ fis-swali taċ-ċinema madwar ġimagħtejn ilu, u s'issa jidher li qed jikseb suċċess madwar id-dinja.

Theodore Zammit, il-pilota Malti li ngħata dan l-irwol, sar parti mill-armata Maltija lura fl-2011 u b'hekk kompla legat li ħa l-ħajja madwar erba' ġenerazzjonijiet ilu. Fil-fatt, kemm in-nannu kif ukoll missier Theodore, it-tnejn kellhom karriera fil-militar.

"Kienet waħda mill-aqwa esperjenzi ta' ħajti s'issa," sostna Theodore fuq il-midja soċjali fejn qasam ukoll xi ritratti li kellu l-opportunità jieħu mal-attur ta' fama kbira Jason Statham li għandu rwol ewlieni f'dan il-film.

Il-Port il-Kbir, il-Freeport ta' Birżebbuġa kif ukoll il-port ta' Marsaxlokk kienu fost il-postijiet ewlenin f'pajjiżna li ntużaw mill-produtturi ta' dan il-film sabiex jiffilmjaw fihom. Il-bqija tal-film ġie ffilmjat fl-Ingilterra, fost oħrajn fil-belt kapitali Ingliża - Londra.

Il-film 'Mutiny' hu wieħed mimli azzjoni u jirrakkonta l-istorja ta' eks suldat li jieħu f'idejh is-sigurtà ta' biljunarju li jinsab fit-Tajlandja. L-istorja tieħu żvolta meta l-biljunarju jinqatel u l-eks suldat jiġi frejmjat bil-qtil tiegħu u għalhekk matul l-andament tal-film, hu jrid jagħmel li jista' sabiex ineħħi din il-ħtija minn fuqu.

Ritratti:

Facebook / Theodore Zammit u Instagram / Theodore Zammit

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI