L-artista Maltija tat-teatru mużikali u żeffiena Marianna Micallef, magħrufa sew lokalment għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programm popolari Brillanti Dance, laħqet tragward internazzjonali mill-aqwa fil-karriera tagħha hekk kif telgħet fuq il-palk prestiġjuż tar-Royal Albert Hall f’Londra bħala parti mill-BBC Proms 2026.
Wara li ggradwat riċentament mill-akkademja rinomata Bird Conservatoire, Micallef kienet parti mill-ispettaklu grandjuż Alan Menken's Music for Disney, serata maħsuba biex tiċċelebra x-xogħlijiet ikoniċi tal-kompożitur leġġendarju ta' Disney. Dan l-impenn wasal wara sajf impenjattiv immens, fejn f'Awwissu serviet bħala dance captain fil-produzzjoni ta' West Side Story man-National Youth Music Theatre fil-Birmingham Hippodrome.
Fuq il-palk tar-Royal Albert Hall, Marianna ingħaqdet man-National Youth Music Theatre u kienet spalla ma' spalla ma' stilel internazzjonali bħal Stewart Clarke, Ben Forster, Lucie Jones, Sam Oladeinde, Celinde Schoenmaker u Marisha Wallace, akkumpanjati mill-orkestra mill-aqwa tal-BBC Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni ta' Sarah Hicks.
Dwar din l-esperjenza memorabbli, fuq il-midja soċjali tagħha, Marianna stqarret li dan huwa biss l-ewwel pass u mhux id-destinazzjoni finali, hekk kif tinsab determinata li tkompli bit-taħriġ tagħha u tiffoka bis-sħiħ biex tistabbilixxi postha fl-aqwa industrija tat-teatru mużikali fir-Renju Unit.
Nawgurawlek kull suċċess Marianna!
Instagram/mariannamicallef_