Iħalli din id-dinja Spiro Cauchi, ftit jiem ‘il bogħod minn meta kien ser jiċċelebra l-91 sena tiegħu. Spiro huwa raġel li m’għandux bżonn introduzzjoni mal-komunita Għawdxija, u bosta jafuh mill-mużika hekk kif kienet aspett importanti f’ħajtu.
Spiro kien iħobb il-mużika, u saħansittra baqa’ jdoqq waqt li kien l-isptar ftit jiem qabel ma miet. Ta’ sikwit kien jaqsam filmati tiegħu jdoqq fejn kien inissel tbissima fuq fomm bosta min-nies. Fi żmien il-pandemija tal-Covid 19 kien fost il-bosta li permezz ta’ filmati fuq il-midja soċjali, żammew kumpanija lin-nies.
Kienu l-ħafna li sellmu l-memorja tiegħu, fosthom il-membru parlamentari Beppe Galea fejn qal, “Insellem lil Spiro Cauchi, persunaġġ magħruf u maħbub f’Għajnsielem. Nibqa’ niftakar meta żortu fid-dar tiegħu. Dar mimlija memorabilja, kważi mużew ħaj li jirrifletti l-imħabba kbira li kellu lejn il-kultura.”
Żied, “Tul ħajtu ta kontribut siewi lill-komunità. Anke fl-età ta’ 90 sena, baqa’ juża l-mużika biex inissel tbissima, saħansitra waqt li kien rikoverat l-isptar. Strieħ fis-sliem ħabib. Kondoljanzi lill-familja u lil Għajnsielem kollu.”
Mit-tim ta’ Gwida.mt nixtiequ nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari kollha.
Spiro Cauchi