Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha, l-President Emeritus Mary Louise Coleiro Preca għaddiet messaġġ wara li persuna allegatament kienet qed tiġbor fondi f’isimha.
Hi qalet, “Kwalunke ġbir ta’ fondi għall-proġetti li għandi x’naqsam maghħom jien, isiru b’mod uffiċjali u mhux min-nies mhux identifikati. Tħallux min iqarraq bikom!”
Dan wara messaġġ fuq il-midja soċjali li ħalla s-Sindku tal-Marsa fejn qal, “Qed niġbed l-attenzjoni tal-pubbliku dwar mara li allegatament qed tiġbor il-flus billi tgħid li qed tagħmel dan f’isem l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca.”
Żied, “Skont l-informazzjoni li għandi, dan il-ġbir mhuwiex awtorizzat minnha. Huwa ta’ għajb li xi ħadd jabbuża mill-fiduċja u mill-ġenerożità tan-nies, aktar u aktar billi juża l-isem ta’ persuna li tant taħdem favur dawk li jinsabu fil-bżonn. L-Eċċellenza Tagħha twettaq ħidma siewja b’risq it-tfal, iż-żgħażagħ u l-persuni vulnerabbli permezz ta’ entitajiet bħall-Malta Trust Foundation u l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society.”
Temm jgħid, “Din il-ħidma jistħoqqilha rispett u appoġġ, mhux li xi ħadd jieħu vantaġġ minnha. Diġà għaddejt l-informazzjoni lill-Pulizija biex isiru l-verifiki meħtieġa. Inħeġġeġ lil kulħadd biex, qabel jagħti xi donazzjoni, jivverifika direttament mal-entità kkonċernata li l-ġbir ikun uffiċjali u awtorizzat. Il-ġenerożità tan-nies għandha tgħin lil min hu fil-bżonn, mhux issir mezz biex xi ħadd jabbuża minnha.”
Mary Louise Coleiro Preca