It-teatru se joħroġ mis-swali u jidħol direttament fit-toroq ta’ Bormla hekk kif fit-18 u d-19 ta’ Settembru se jirritorna l-Cospicua Short Play Festival, b’seba’ plays qosra kompetittivi mtellgħin f’diversi postijiet madwar il-lokalità. Joseph Galea ħabbar is-seba’ produzzjonijiet li se jkunu qed jikkompetu fl-edizzjoni ta’ din is-sena, b’serati ta’ teatru bejn is-19:30 u l-22:30.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla ppubblika l-iskeda u l-mappa tal-plays, filwaqt li stieden lill-pubbliku biex jiskopri “l-maġija tat-teatru fit-toroq ta’ Bormla”. Il-kunċett tal-festival se jwassal lill-udjenza f’postijiet differenti madwar Bormla, fejn se jkollha l-opportunità ssegwi numru ta’ plays qosra f’ambjent differenti minn dak tradizzjonali tat-teatru.
Aħbar tajba għal dawk li jixtiequ jattendu hija li d-dħul għall-Cospicua Short Play Festival huwa kompletament b’xejn u lanqas mhu meħtieġ booking minn qabel. Il-festival huwa kkummissjonat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-Fondazzjoni Kottonera, Xjenza Malta u r-Reġjun Port.
Għalhekk, fit-18 u d-19 ta’ Settembru, bejn is-19:30 u l-22:30, Bormla se tinbidel f’palk miftuħ fejn it-teatru, il-kreattività u l-istorja tal-lokalità jingħaqdu flimkien f’esperjenza differenti għall-pubbliku.
Facebook / Cospicua Short Play Festival