Aktar Minn €600,000 F’Taħriġ Għal Dawk Li Jaħdmu Fil-Gvern Lokali

Għall-ewwel darba f’Malta, se jkun qed jitnieda programm nazzjonali ta’ taħriġ għall-persuni li jaħdmu u jagħtu s-servizz tagħhom fil-Gvern Lokali. Fl-istess waqt, se jsir investiment ta’ aktar minn €600,000, permezz ta’ proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, biex jiġu offruti opportunitajiet ta’ taħriġ kemm f’Malta, barra minn Malta kif ukoll online.

Il-programm se jkun miftuħ għal Sindki, Kunsilliera, Segretarji Eżekuttivi, impjegati tal-Kunsilli Lokali u persuni oħra li jaħdmu f’dan is-settur. Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli spjegat li l-għan huwa li jsir aktar investiment fil-persuni li ta’ kuljum jaħdmu direttament mal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

“Meta ninvestu fil-ħiliet u fil-professjonalità tal-persuni li jaħdmu fil-Gvern Lokali, inkunu qed ninvestu direttament fil-kwalità tas-servizz li jirċievi ċ-ċittadin u fil-futur tal-komunitajiet tagħna,” qalet il-Ministru. Il-programm tfassal wara analiżi tal-ħtiġijiet tas-settur u ħidma li inkludiet ukoll studju ta’ mudelli ta’ taħriġ u governanza lokali f’pajjiżi Ewropej.

Diġà bdew jingħataw diversi tipi ta’ taħriġ, fosthom lis-Segretarji Eżekuttivi u lis-Sindki. Sa Awwissu, kważi 100 persuna kienu diġà bbenefikaw minn għajnuna diretta, b’investiment li jqarreb il-€200,000. L-għan aħħari huwa li dawk li jaħdmu fil-Gvern Lokali jkollhom aktar opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u, b’hekk, ikunu jistgħu joffru servizz aħjar lir-residenti fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI