“Ħafna Huma Dawk Li Gawdew Mill-Formazzjoni Tagħha” – Tislima Mill-Qalb Lil Ms. Maria Mamo

Il-parroċċa San Publiju Floriana sellmet il-memorja ta’ Ms. Maria Mamo, magħrufa minn ħafna sempliċiment bħala “Ms. Mamo”, persuna li għal snin sħaħ iddedikat il-ħin u l-enerġija tagħha biex twassal il-Kelma t’Alla u tagħti sehemha fil-komunità. Fit-tislima tagħha, il-parroċċa fakkret b’mod partikolari l-ħidma li Ms. Mamo wettqet permezz tal-Azzjoni Kattolika, sakemm saħħitha baqgħet tippermettilha.

“Żgur li huma ħafna dawk li gawdew mill-formazzjoni tagħha. Il-Mulej jagħtiha l-premju li tant jistħoqqilha,” kitbet il-parroċċa. Kliem li jixhed l-impatt li Ms. Mamo ħalliet fuq diversi persuni matul is-snin, permezz tad-dedikazzjoni tagħha u l-impenn biex taqsam il-fidi u l-valuri tagħha ma’ oħrajn.

L-aħħar tislima lil Ms. Mamo ngħatat fil-Knisja Arċipretali, fejn dawk li kienu jafuha kellhom l-opportunità jingħaqdu flimkien biex isellmulha għall-aħħar darba. “Grazzi tal-ħidma tiegħek Ms. Mamo!” temmet tgħid il-parroċċa fit-tislima tagħha, filwaqt li wasslet il-kondoljanzi lill-familja kollha.

Aħna ningħaqdu ma’ din it-tislima u nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familja, qraba u dawk kollha li kellhom ix-xorti jkunu jafu lil Ms. Mamo. Strieħ fis-sliem.

Ritratti:

Facebook / Maria Mamo

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI