Jidher li t-tbassir għal ċans ta’ xita lokalizzata beda jseħħ, hekk kif bħalissa qed jiġu rrappurtati ħalbiet tax-xita f’numru ta’ lokalitajiet Maltin.
Il-Paġna It-Temp Madwarna ftit tal-ħin ilu rrapportat li qed jinżlu ħalbiet tax-xita lokalizzati fuq is-Siġġiewi, il-Qrendi u Marsaxlokk .Aktar kmieni llum, il-paġna kienet bassret temp ftit imsaħħab b’waqtiet twal xemxin, li jsir pjuttost imsaħħab f’xi nħawi qrib in-nofsinhar ta’ Malta, b’ċans ta’ xita lokalizzata aktar tard matul il-ġurnata.
Iċ-ċans tax-xita għal-lum ingħata bħala 50%, filwaqt li hemm ċans ta’ 30% għal maltemp bir-ragħad.Ir-riħ mistenni jibqa’ ħafif, forza 2 sa 3, l-aktar mill-Majjistral, filwaqt li l-baħar huwa mbassar li jkun ħafif.It-temperatura massima mistennija tilħaq id-29°C, iżda tinħass daqs 32°C, filwaqt li matul il-lejl it-temperatura mistennija tinżel għal 22°C. Minkejja li t-temperaturi għadhom kemxejn għoljin, donnha li x-xita daħlet sew f’dan l-istaġun.
Jidher għalhekk li filwaqt li mhux kulħadd se jara x-xita, f’xi nħawi l-umbrella jaf tkun utli llum!
Facebook/ It-Temp Madwarna