Traġedja Fuq Bajja Ġewwa L-Greċja – Raġel Ta’ 82 Sena Jmut Wara Argument Fuq ‘Sunbed’

Argument dwar sunbed fuq bajja popolari fil-Greċja spiċċa fi traġedja bil-mewt ta’ raġel ta’ 82 sena.

Il-każ seħħ il-Ħadd filgħodu f’Akti Vouliagmenis, fuq l-Athenian Riviera. Skont informazzjoni mill-awtoritajiet Griegi, ftit qabel l-10am inqala’ argument jaħraq bejn raġel ta’ 76 sena, li kien akkumpanjat minn mara ta’ 21 sena u raġel ta’ 82 sena dwar post fuq il-bajja. Waqt il-konfront, ir-raġel ta’ 82 sena waqa’ mal-art u nstab li kien sofra minn attakk tal-qalb.

Infermiera li kienet xogħol fuq il-bajja ppruvat issalvalu ħajtu permezz tas-CPR u għodda neċessarji. Hu ttieħed l-isptar, iżda sfortunatament ġie ddikjarat mejjet. Ir-raġel ta’ 76 sena ġie arrestat fuq suspett li kkawża ġrieħi fatali, filwaqt li l-mara ta’ 21 sena li kienet miegħu ġiet rilaxxata. 

Il-każ wassal għal kontroversja sħiħa fil-Greċja dwar l-użu tas-sunbeds u l-aċċess għall-bajjiet. F’dawn l-aħħar snin żdiedu l-ilmenti dwar ir-riservazzjoni ta’ sunbeds u l-prezzijiet mitluba f’żoni popolari mal-baħar. 

Ritratti:

Facebook/ EuroNews English

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI