Il-Marka Li Ħalla Arċisqof Fuq Ħajt Fiż-Żejtun Aktar Minn 100 Sena Ilu Għadha Tidher Sal-Lum

Kont taf li fil-kappella li tinsab fil-Każin tal-Beland fiż-Żejtun hemm marka li jingħad li ħallieha Arċisqof aktar minn seklu ilu? 

L-istorja tmur lura għall-1920, fi żmien meta l-kappella kienet se tiġi kkonsagrata. Jingħad li meta l-Arċisqof daħal fil-kappella, tant baqa’ impressjonat bid-disinn mal-ħitan li sabha diffiċli jemmen li dak li kien qed jara kien impitter u mhux damask veru.Biex jikkonvinċi ruħu, jingħad li mess il-ħajt b’subgħajh. Iżda ż-żebgħa kienet għadha ma nixfitx kompletament u għalhekk ħalla marka warajh.

U l-aktar parti interessanti? Aktar minn mitt sena wara, il-marka għadha tidher sal-lum. Din hija biss waħda mill-ġrajjiet interessanti li qed joħorġu f’sensiela ta’ filmati ppubblikati mis-Soċjetà Mużikali Beland bi tħejjija għall-Festa tal-Kappella 2026.

Il-festa se tkun iċċelebrata bejn il-Ġimgħa 25 u l-Ħadd 27 ta’ Settembru, filwaqt li fit-23, l-24 u l-25 ta’ Settembru fis-6:30pm se jsiru riflessjonijiet dwar id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù, immexxija mill-Arċipriet u Direttur Spiritwali tas-Soċjetà, Fr Anton Galea Scannura.

Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru se ssir ikla kbira fuq iz-zuntier. L-għada, is-Sibt 26 ta’ Settembru fis-7:30pm, il-Banda Beland se tippreżenta programm mużikali u strumentali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Gordon Baldacchino, segwit fid-9:00pm mill-Marċ tal-Festa tal-Kappella.

Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom il-Ħadd 27 ta’ Settembru, bil-Quddiesa ta’ Jum il-Festa fis-6:30pm u riċeviment fil-Każin.

Ritratti:

Facebook/ BELAND

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI