Kate, mill-paġna Kate: Writing My Story, qasmet mument sabiħ u importanti ħafna mill-vjaġġ tagħha, hekk kif bħalissa qed titħarreġ fl-użu tal-apparat Eye Gaze.
“Il-vuċi mhux dejjem trid tinstema’ permezz tal-kliem,” bdiet tikteb Kate, filwaqt li spjegat li għaliha dan l-apparat ifisser ħafna aktar milli sempliċement tħares lejn skrin u tagħżel stampa jew kelma.
Permezz tal-Eye Gaze, Kate qed titgħallem tikkomunika, tagħmel l-għażliet tagħha u tesprimi dak li trid u dak li għandha bżonn. Qed ikun ukoll mezz biex tkun tista’ turi dak li jogħġobha u dak li ma jogħġobhiex.
Dan kollu qed jgħinha, pass pass, tikseb aktar indipendenza u jkollha mezz aktar effettiv biex tesprimi ruħha u twassal il-ħsibijiet tagħha lil dawk ta’ madwarha.
Kate spjegat ukoll li tifhem ħafna aktar milli bħalissa kapaċi tesprimi bil-kliem, realtà li xi drabi tista’ tkun frustranti għaliha. Għalhekk, l-użu ta’ din it-teknoloġija jista’ jiftaħ aktar bibien biex tkun tista’ tikkomunika dak li tkun qed taħseb u tħoss.
Il-messaġġ ta’ Kate jfakkarna li l-komunikazzjoni tista’ tieħu ħafna forom differenti u li vuċi mhux bilfors trid tinstema’ biex tkun waħda b’saħħitha. Kultant, ħarsa waħda tista’ twassal ħafna aktar milli nimmaġinaw.
Facebook/ Kate: Writing my story