Qtil li ħasad lid-dinja kollha kien dak ta’ Colleen Slemmer, tfajla Amerikana ta’ 19 il-sena li ġiet brutalment ittorturata u maqtula minn christa Pike. Is-sentenza ta’ Pike li kellha 18-il sena meta qatlet lil Slemmer, sentenza li ngħatat b’mod unanimu mill-ġurija, waslitha biex tkun l-iżgħar mara li ngħatat sentenza ta’ mewt fl-istorja moderna tal-piena kapitali fl-Istati Uniti. Pike li llum għandha 50 sena, kellha tingħata l-injezzjoni letali llum iżda din twaqqfet fl-aħħar sigħat.
Dan wara li panel ta’ tliet imħallfin ivvota 2-1 favur sospensjoni temporanja tal-eżekuzzjoni. Id-deċiżjoni waslet minkejja li ġurnata qabel il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti kienet ċaħdet talba oħra biex l-eżekuzzjoni titwaqqaf. L-avukati ta’ Pike qed jippruvaw jerġgħu jressqu quddiem il-qrati federali argumenti marbuta mal-abbuż li sofriet fi tfulitha u mal-mod kif dan ġie kkunsidrat meta ngħatat is-sentenza tal-mewt.
Madankollu, dan ma jfissirx li Pike rebħet il-każ jew li s-sentenza tagħha tneħħiet. L-eżekuzzjoni bħalissa tinsab sospiża sakemm tibqa’ fis-seħħ din l-ordni tal-qorti.