Mument mimli emozzjoni għall-ġurnalista u preżentatriċi Francesca Attard, hekk kif wasslet l-aħħar bullettin tal-aħbarijiet tagħha fuq il-PBS, u b’hekk għalqet kapitlu importanti fil-karriera tagħha wara ħames snin. Permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali, Francesca qasmet dak li ħasset waqt l-aħħar mumenti tagħha quddiem il-kamera. Għalkemm ħasbet li kienet ippreparata għal din il-ġurnata, l-emozzjonijiet ħadu posthom hekk kif waslet biex tgħid l-aħħar kelmiet tagħha.
"Ħsibt li kont ippreparata għal dan il-mument, sakemm wasalt biex ngħid l-aħħar kelmiet. Telgħet għoqla fi griżmejja, għax dak il-ħin, quddiem għajnejja bdew ġejjin il-memorji kollha tul dawn il-5 snin," kitbet Francesca. Hija fakkret fl-ewwel darba li daħlet fil-binja tal-PBS għall-intervista tax-xogħol, fl-ewwel vjaġġ tagħha bil-vapur minn Għawdex biex tibda din l-avventura, u fuq kollox fl-ewwel darba li sabet ruħha twassal l-aħbarijiet lit-telespettaturi Maltin u Għawdxin.
Għal Francesca, li trabbiet tara l-aħbarijiet mal-familja tagħha waqt l-ikel, li xi darba tkun hi stess dik il-persuna fuq l-iskrin kienet esperjenza li diffiċli temmen li saret realtà. Tul dawn il-ħames snin, Francesca kellha l-opportunità li tiltaqa’ ma’ bosta persuni, twettaq intervisti, iżżur postijiet differenti u tikseb esperjenzi li għenuha tikber kemm professjonalment kif ukoll personalment.
Fil-messaġġ tagħha ma naqsux ir-ringrazzjamenti lit-tmexxija tal-PBS, lill-kollegi, lill-familja tagħha, lil Keane Cutajar u, b’mod speċjali, lit-telespettaturi li tul is-snin laqgħuha fi djarhom. "GRAZZI lit-tmexxija kollha tal-PBS, lill-kollegi, lill-familja, lil Keane Cutajar u lilkom it-telespettatturi, li mhux biss ilqajtuni fi djarkom, iżda kellimtuni fit-triq, bgħattuli messaġġi u wrejtuni li wara dik il-camera li nkun nitkellem magħha, hemm persuni li qed jisimgħuni u japprezzawni."
Minkejja d-dieqa li ġġib magħha t-tmiem ta’ esperjenza tant għal qalbha, Francesca qed tħares lejn il-futur b'ottimiżmu u eċitament. "Għalkemm illum qed nagħlaq kapitlu li tant kien għal qalbi, naf li għad hemm ħafna affarijiet sbieħ x’jistennewni," temmet tgħid.
Għalissa, Francesca għażlet li tgħożż il-memorji li ġabru magħhom dawn il-ħames snin, filwaqt li tħares ’il quddiem lejn kapitlu ġdid f’ħajjitha. Nawguraw lil Francesca kull suċċess f’dak kollu li hemm jistennieha!
Facebook / Francesca Attard