L-Arloġġ Tal-Lira Pass Eqreb Lejn Rikonoxximent Ewropew – Opportunitajiet Ġodda Għall-Artiġjani Maltin!

L-Arloġġ tal-Lira, wieħed mill-prodotti tradizzjonali tal-artiġjanat Malti, jinsab fi stadju avvanzat tal-proċess biex jikseb rikonoxximent Ewropew. Dan tħabbar waqt sessjoni ta’ informazzjoni organizzata mill-Uffiċċju tal-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius, li ffukat fuq opportunitajiet ġodda għall-artiġjani Maltin.

L-attività kellha l-għan li tispjega kif il-qafas il-ġdid tal-Unjoni Ewropea għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-artiġjanat u l-prodotti industrijali jista’ jgħin lill-produtturi jipproteġu l-prodotti tagħhom, isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq u jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja.

Għas-sessjoni attendew artiġjani li jaħdmu fil-bizzilla, fil-filugranu, fl-Arloġġ tal-Lira u fin-newl, fost oħrajn. Dawn kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u tal-Fondazzjoni Maltija għall-Artiġjanat.

Matul l-attività, Peter Agius enfasizza l-importanza li l-artiġjanat tradizzjonali Malti jingħata l-protezzjoni u r-rikonoxximent li jistħoqqlu. Huwa spjega kif ir-reġistrazzjoni Ewropea tista’ tgħin biex il-prodotti awtentiċi jiġu distinti mill-imitazzjonijiet, filwaqt li jiġu mħarsa l-ħiliet u t-tradizzjonijiet li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra.

Min-naħa tiegħu, Elton Micallef mill-Fondazzjoni Maltija għall-Artiġjanat ta dettalji dwar il-ħidma li għaddejja biex l-Arloġġ tal-Lira jikseb dan ir-rikonoxximent. Huwa spjega li l-proċess involva diversi nies tas-sengħa u li diġà nkisbet għajnuna finanzjarja mill-EUIPO.

Matul is-sessjoni ngħatat ukoll informazzjoni dwar il-vawċers u l-għajnuna finanzjarja disponibbli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jixtiequ japplikaw għal din il-protezzjoni. Din l-inizjattiva tista’ tiftaħ bibien ġodda għall-artiġjani Maltin, mhux biss billi tħares il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, iżda wkoll billi tagħti lill-prodotti tradizzjonali opportunità li jiksbu aktar viżibbiltà u jidħlu fi swieq ġodda madwar l-Ewropa.

L-attività tifforma parti mill-ħidma tal-MEP Peter Agius biex l-inizjattivi Ewropej jissarrfu f’opportunitajiet konkreti għall-produtturi u n-negozji Maltin.

Ritratt:

Facebook / L-Arloġġ Tal-Lira

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI