Joanna Camilleri ħabbret li rriżenjat mill-kariga tagħha ta’ Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport, kariga li kienet ilha tokkupa għal dawn l-aħħar sena u xahar fuq bażi volontarja. Permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali, Joanna spjegat li din ma kinitx deċiżjoni faċli għaliha, iżda waħda li kellha tieħu minħabba raġunijiet personali u ċirkostanzi oħra.
"B’dispjaċir, kelli nirriżenja mill-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport li qdejt fuq bażi volontarja matul l-aħħar sena u xahar, bl-akbar impenn, dedikazzjoni u sens ta’ responsabbiltà," kitbet Joanna. Hija kompliet billi rringrazzjat lill-membri kollha li wrew fiduċja fiha u lil dawk li tawha l-appoġġ tagħhom matul dan il-perjodu.
Joanna żvelat ukoll li hemm ċirkostanzi oħra marbuta ma’ din id-deċiżjoni li dwarhom beħsiebha titkellem fil-futur. "Kienet deċiżjoni diffiċli, meħuda minħabba raġunijiet personali u ċirkostanzi oħra li nitkellem dwarhom meta jkun il-waqt opportun." Minkejja r-riżenja tagħha, Joanna saħqet li se tibqa’ taħdem favur il-ġurnalisti sportivi, filwaqt li żżomm sodi l-prinċipji u l-valuri tagħha.
"Minkejja li qed inwarrab minn din il-kariga, nibqa’ impenjata li naħdem favur il-ġurnalisti tal-isport, dejjem b’integrità, rispett u lealtà lejn il-valuri li nemmen fihom," sostniet. Hija temmet il-messaġġ tagħha fuq nota pożittiva, billi qalet li qed tħares ’il quddiem lejn dak li hemm jistennieha fil-futur.