Sa minn tfulitu, Albert Callus dejjem ħolom li jibni karriera fil-mużika iżda minħabba ċ-ċirkostanzi tal-ħajja, hu ma setax jagħmel dan. Albert jistqarr li matul ħajtu kien dejjem mehdi jaħdem qatigħ sabiex ikun jista' jsostni lill-familja tiegħu, u għalhekk ma seta' qatt iwettaq il-ħolma ta' ħajtu.
Matul dawn l-aħħar ġranet, Albert iltaqa' mal-Briefcase Man li riċentament sar magħruf għall-kontenut tiegħu fejn dejjem iwettaq ġesti sbieħ lil persuni differenti. Meta sema' bl-istorja ta' Albert, il-Briefcase Man iddeċieda li jsib mod kif jara li l-ħolma ta' Albert issir realtà, anke jekk stess hu llum għandu 80 sena.
F'filmat li tella' fuq il-midja soċjali, il-Briefcase Man spjega kif kien pront avviċina lill-kompożitur tal-mużika Dominic Cini u flimkien irnexxielhom jaraw li l-ħolma ta' Albert verament tieħu l-ħajja.
Fil-fatt, ftit sigħat ilu, Albert għadu kif ippubblika l-ewwel kanzunetta tiegħu li ġġib l-isem ta' 'Nhar Ta' Ħadd Għax-Xatt'. Il-Briefcase Man ħeġġeġ lill-udjenza tiegħu sabiex turi s-sapport kollu possibbli lil dan l-anzjan li minkejja li għandu 80 sena, il-passjoni tiegħu lejn il-mużika baqgħet żagħżugħa tant li ġiegħlitu jirrealizza li qatt mhu tard wisq sabiex wieħed iwettaq il-ħolm ta' ħajtu.
Tista' tisma' l-ewwel kanzunetta ta' Albert hawnhekk.
Prosit, Albert!
Facebook / The Briefcase Man u Albert Callus