L-attur lokali Ronnie Galea għażel li jiċċelebra għeluq il-75 sena tiegħu b’mod tassew speċjali, hekk kif minflok rigali ddeċieda li jagħti daqqa t’id lil Puttinu Cares, organizzazzjoni li hu stess jaf kemm tagħmel ġid lil dawk li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli.
Ronnie, li fil-passat kien pazjent, esperjenza personalment l-għajnuna u l-appoġġ li toffri Puttinu Cares. Għalhekk, f’din l-okkażjoni speċjali, ħass li wasal iż-żmien li jagħti xi ħaġa lura bħala sinjal ta’ gratitudni. Minflok talab rigali mingħand il-familjari u l-ħbieb tiegħu, Ronnie ħeġġiġhom jagħtu donazzjoni lil Puttinu Cares. Grazzi għall-ġenerożità tiegħu u ta’ dawk kollha li attendew għaċ-ċelebrazzjoni, inġabret is-somma sabiħa ta’ €3,650!
Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Puttinu Cares irringrazzjat lil Ronnie għal dan il-ġest mill-qalb, kif ukoll lil kull min ikkontribwixxa. L-organizzazzjoni saħqet li donazzjonijiet bħal dawn jgħinuha tkompli tkun ta’ sostenn għall-pazjenti u l-familji tagħhom meta l-aktar ikollhom bżonn. Ġest mill-isbaħ li jfakkarna li l-akbar rigal li nistgħu nagħtu kultant ikun dak li bih nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.
Minn qalbna nawguraw lil Ronnie Galea f’għeluq il-75 sena tiegħu u nifirħulu għal din l-inizjattiva tant ġeneruża!
Facebook / Ronnie Galea