‘Għadna Żgħar’ – Produzzjoni Teatrali Li Tiċċelebra L-Ħbiberija U L-Isfidi Tal-Ħajja

Li tikber mhux dejjem faċli. Il-ħbiberiji jinbidlu, ir-responsabbiltajiet jiżdiedu u l-futur jista’ jidher inċert. Dawn huma wħud mit-temi li se jiġu esplorati fil-produzzjoni teatrali ġdida bil-Malti Għadna Żgħar, ippreżentata minn TOI TOI, il-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel.

Taħt id-direzzjoni ta’ Petra Sant u bil-parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel Youth Theatre (TMYT), il-produzzjoni se tittella’ fil-31 ta’ Ottubru u fl-1 ta’ Novembru 2026, fis-18:00, fl-Istudio Theatre fil-Belt Valletta.

Ambjentata f’każin tradizzjonali Malti matul l-aħħar sajf tal-università, Għadna Żgħar issegwi grupp ta’ ħbieb li jerġgħu jiltaqgħu fil-post favorit tagħhom, mimli memorji u mumenti sbieħ. Madankollu, hekk kif il-ħajja universitarja tasal fi tmiemha, ikollhom jaffaċċjaw l-inċertezzi u r-responsabbiltajiet tal-ħajja adulta.

Din il-produzzjoni oriġinali tagħti vuċi lill-esperjenzi taż-żgħażagħ, filwaqt li tesplora l-importanza tal-ħbiberija, il-benesseri emozzjonali u l-kuraġġ li wieħed jitlob l-għajnuna meta jaffaċċja mumenti diffiċli.

Adattata għal udjenzi minn 13-il sena ’l fuq, Għadna Żgħar twiegħed storja emozzjonanti li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, irrispettivament mill-età tagħhom. Il-biljetti huma disponibbli minn www.teatrumanoel.mt jew mill-Booking Office tat-Teatru Manoel.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI