Il-kantant Malti Glen Vella qasam messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali hekk kif illum qed ifakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-għażiż missieru. “Bħal llum sena, 9:20,” kiteb Glen, filwaqt li fakkar il-ħin preċiż li fih tilef lil missieru, mument li żgur jibqa’ mnaqqax f’qalbu għal dejjem.
Fost kliem mimli mħabba u nostalġija, Glen ġedded il-wegħda li kien għamel lil missieru qabel ma ħalliehom, dik li jibqa’ jaħdem biex ikun kuntent u jagħmlu kburi bih. “Ibqa’ ħarisna u bħal ma tkellimna qabel ħallejtna, nibqa’ nwiegħdek li nibqa’ naħdem biex inkun kuntent u nagħmlek kburi bija. Nimmisjak immensament Pa,” kiteb il-kantant.
Messaġġ qasir iżda mimli emozzjoni, li juri kemm ir-rabta bejn missier u iben tibqa’ b’saħħitha anke wara t-telfa ta’ persuna tant għażiża. F’dan il-jum ta’ tifkira, ningħaqdu ma’ Glen u l-familja tiegħu filwaqt li nsellmu l-memorja tal-għażiż missieru.
Strieħ fis-sliem.
Facebook / Glen Vella