Aktar minn nofs it-tfal li rċevew appoġġ permezz ta’ The Blossom Project matul is-sena skolastika li għaddiet kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet fil-familja, skont rapport ġdid ippreżentat minn The Malta Trust Foundation. Minn 929 student li ngħataw servizz ta’ counselling, 54% kienu qed jesperjenzaw problemi familjari, fosthom kunflitti bejn il-ġenituri, separazzjonijiet u relazzjonijiet diffiċli fid-dar.
Ir-rapport, imħejji minn Dr Mary Grace Vella, juri wkoll li kważi sebgħa minn kull għaxar studenti riferuti kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet emozzjonali, fosthom ansjetà, inkwiet u problemi biex jimmaniġġjaw l-emozzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, 112-il tifel u tifla ġew riferuti minħabba tħassib dwar is-sigurtà u l-benesseri tagħhom, inkluża l-possibbiltà ta’ abbuż jew negliġenza.
Veronica Ellul Federici, il-psikologa u l-mexxejja klinika tal-proġett, appellat għal aktar investiment fl-intervent bikri u għal ambjenti skolastiċi li joffru sigurtà emozzjonali lit-tfal. The Blossom Project, li jopera fi 15-il skola tal-Istat, għen 1,019-il persuna matul is-sena li għaddiet, fosthom studenti, ġenituri u għalliema. Minkejja l-isfidi, ġie rreġistrat titjib f’51% tal-istudenti li ngħataw appoġġ.
L-eks President Marie-Louise Coleiro Preca, fundatriċi tal-proġett, saħqet li l-benesseri tat-tfal għandu jsir prijorità nazzjonali. “Wisq tfal minn tagħna qed iġorru piżijiet li l-ebda tifel jew tifla m’għandu jkollu jġorr waħdu,” sostniet. Il-konferenza, li saret fis-Salini Hotel, ingħalqet minn Dr Lydia Abela, li enfasizzat l-importanza li nisimgħu lit-tfal u noħolqu ambjenti fejn iħossuhom sikuri jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom.