Jekk tħares ftit lejn il-lingwa Maltija tinduna kemm hija rakkont sabiħ tal-istorja tagħna, u l-fatt li pajjiż ċkejken għandu l-lingwa tiegħu, hija ħaġa kbira. Huwa veru li l-lingwa Ingliża hija waħda uffiċjali f’pajjiżna, iżda dan m’għandux inaqqas l-imħabba li għandha tingħata lil-lingwa Maltija, li jekk ma nkunux aħna li nieħdu ħsiebna, ħadd mhu se jkun.
Għidha bil-Malti tkellmu dwar sitwazzjoni daqstant irritanti, fejn tkellmu dwar argument li bosta min-nies jużaw b’diżrispett lejn il-lingwa Maltija.
Qalu, “Kumment li irritani ħafna dalgħodu - mingħand barrani, imma seta' faċilment kien mingħand Malti - kien jgħid li l-barranin f’Malta m’għandhomx għalfejn jitgħallmu l-Malti għax l-Ingliż huwa lingwa uffiċjali.
Li l-Ingliż huwa lingwa uffiċjali ma jfissirx li l-Malti għandu jmur minn taħt f’pajjiżu stess. Ħadd mhu qed jgħid li t-tagħlim tal-Malti huwa faċli jew li kulħadd għandu jitgħallmu mil-lum għal għada. Imma hemm differenza bejn li ssibha diffiċli titgħallem lingwa u li temmen li m’għandekx għalfejn titgħallimha.
Il-Malti huwa l-istorja tagħna, il-kultura tagħna u parti essenzjali mill-identità tagħna. Jekk ġejt tgħix Malta, għaliex għandek tqis il-lingwa nazzjonali tagħha bħala bla bżonn? F’ħafna pajjiżi oħra, it-tagħlim tal-lingwa nazzjonali jitqies bħala parti naturali mill-integrazzjoni fis-soċjetà. Għaliex f’Malta għandna naċċettaw attitudni differenti? Fejn hi l-politika lingwistika?
U biex inħarsu wkoll fil-mera: kemm hemm Maltin li huma stess jirfsu l-Malti taħt saqajhom? Li malli tgħid nofs ta' kelma, fil-pront jgħidulek li l-Ingliż huwa uffiċjali biex mingħalihom jagħlqulek ħalqek? U kemm-il darba naqilbu bl-Ingliż aħna stess u nagħmluha aktar faċli għal ħaddieħor biex qatt ma jħoss l-iċken bżonn jitgħallem il-Malti?
Fil-fehma tiegħi, wasal iż-żmien li niskomodaw qabel ma nakkomodaw. La ġejt hawn, tgħallem il-Malti. U jekk inti Malti, tgħallem irrispetta dak li hu tiegħek qabel tistenna li ħaddieħor jagħmel l-istess.”
X’taħsbu dwar dan?