Ta’ 9 Snin Biss Rhysin Farrugia Ġabar Eluf Ta’ Ewro Għal Puttinu Cares U Stabbilixxa Rekord Nazzjonali

Hemm tfal li minkejja l-età żgħira tagħhom, juruna kemm qalbhom tista’ tkun kbira. Eżempju sabiħ ta’ dan huwa Rhysin Farrugia, tifel ta’ qalb tad-deheb li permezz ta’ ġest mill-isbaħ qed jagħti tama u għajnuna lil tfal oħra li għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

The Malta Records ħabbru li lbieraħ kienu mistiedna fiċ-Ċittadella Beland, iż-Żejtun, sabiex jippreżentaw rekord nazzjonali ġdid li nkiseb minn Rhysin. Minn mindu kellu biss 9 snin, Rhysin għasar 75 kilo lumi u pproduċa erba’ gallun ta’ meraq tal-lumi, biex b’hekk irnexxielu jiġbor is-somma inkredibbli ta’ €5,775 b’risq Puttinu Cares. Dan ir-rekord inkiseb fl-24 ta’ Ottubru 2025.

Għaldaqstant, il-ġenerożità tiegħu ma waqfitx hemm. Din is-sena reġa’ wettaq din l-inizjattiva sabiħa, fejn wara li għasar madwar 65 kilo lumi, irnexxielu jiġbor €4,538 oħra għall-istess għan nobbli. B’kollox, permezz ta’ din l-inizjattiva, Rhysin ġabar €10,313!

It-Tim ta' Gwida.mt jawgura lilu u lil familtu talli qed inisslu fih valuri tant sbieħ. Huwa tassew ta’ ispirazzjoni li tara tifel daqshekk żgħir jagħżel li juża t-talenti u l-enerġija tiegħu biex jagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Ritratt:

Facebook/The Malta Records

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI