F'intervista esklussiva ma' Paperscan, dalgħodu ġurnalist Pollakk tkellem dwar l-attakk traġiku li seħħ ilbieraħ fi pjazza ewlenija ġewwa Krakovja, belt fin-naħa t'isfel tal-Polonja.
Billi din il-belt tara matul is-sena numru kbir ta' turisti Maltin, il-ġurnalist Pollakk ġie mistoqsi jekk kienx hemm persuni ta' nazzjonalità Maltija fost dawk li sfaw vittmi ta' din it-traġedja. Hu kkonferma li l-vittmi kienu ħamsa Pollakki u ieħor Brittaniku.
Intant, fejn is-soltu fl-għodwa tal-Ħadd din il-pjazza tkun miżgħuda bin-nies, dalgħodu sebħet vojta bi skiet taqtgħu b'sikkina. Dan hekk kif bħalissa l-poplu Pollakk qed josserva wkoll jiem ta' luttu sabiex ifakkar il-memorja ta' dawn is-sitt vittmi u ta' wħud oħrajn li sfortunatament sfaw feruti fl-attakk.
Miljuni minn madwar id-dinja bħalissa qed jesprimu s-solidarjetà tagħhom mal-poplu Pollakk fl-isfond ta' din it-traġedja.
Jistrieħu fis-sliem is-sitt persuni li tilfu ħajjithom intortament f'dan l-attakk filwaqt li nittamaw fejqan ta' malajr lill-feruti.
Wikimedia Commons u ONE / Paperscan