F’jum tant importanti għall-komunità parrokkjali tal-Ħamrun, il-Kan. Stefan Galea beda kapitlu ġdid fil-ħajja tiegħu, wara li ħa l-pussess bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu.
Fost dawk li wasslulu l-awguri tagħhom kien hemm il-Grupp Armar San Gejtanu, li permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, esprima l-ferħ tiegħu għal din il-ħatra u awguralu kull ġid fil-missjoni pastorali l-ġdida tiegħu. Il-membri tal-grupp qalu li jinsabu ħerqana li jaħdmu id f’id miegħu għall-ġid tal-parroċċa, filwaqt li jkomplu jżommu ħajja d-devozzjoni lejn il-patrun tagħhom, San Gejtanu.
Huma talbu wkoll lil Alla, biex ibierku f'din il-mixja ġdida u biex San Gejtanu ikun dejjem miegħu, iħarsu u jiggwidah fil-ħidma tiegħu fost il-komunità. Dan mhuwiex biss bidu ta’ responsabbiltà ġdida, iżda wkoll opportunità biex jissaħħu r-rabtiet li jgħaqqdu lill-parroċċa, lill-għaqdiet tagħha u lin-nies li jagħmluha komunità waħda.
Minn qalbna ningħaqdu mal-Grupp Armar San Gejtanu f'dan l-awgurju u nifirħu lil Dun Stefan, ħafna ġid f'din il-missjoni ġdida!
Facebook/Grupp Armar San Gejtanu Ħamrun