Il-kantawtur Malti Jake Cassar, student tal-liġi ta’ 22 sena, għadu kemm nieda l-album il-ġdid tiegħu bl-isem Desiderius, proġett mużikali li ħa l-ħajja matul iż-żmien li qatta’ jistudja fl-Irlanda permezz tal-programm Erasmus.
Wara li kien diġà ħareġ diversi kanzunetti permezz tal-EP A Folly Into Melancholy, Jake kompla jikteb u jikkomponi materjal ġdid matul dawn l-aħħar sentejn u nofs. Madankollu, kien proprju waqt is-semestru tiegħu fl-Irlanda s-sena li għaddiet li nħolqot il-biċċa l-kbira tal-album. Jake jistqarr li dak il-perjodu kien wieħed mill-aktar żminijiet kreattivi ta’ ħajtu, hekk kif diversi kanzunetti bdew jieħdu l-forma tagħhom waqt li kien qed jgħix barra minn Malta.

Hekk kif beda jiġbor biżżejjed materjal, huwa għamel kuntatt ma’ David Vella ta’ Temple Studios, li wera interess kbir fid-demos li bagħatlu. Wara diversi diskussjonijiet, it-tnejn qablu li jirrekordjaw l-album matul is-sajf, proċess li kien jinvolvi sigħat twal ta’ xogħol fl-istudio.
L-isem Desiderius għandu tifsira partikolari. Minbarra li jagħmel referenza għal Desiderius Erasmus ta’ Rotterdam, li għalih huwa msemmi l-programm Erasmus, l-isem ġej ukoll mill-kelma Latina desiderium, li tfisser xewqa jew xenqa. Din it-tifsira hija riflessa fit-temi tal-album, li jesplora s-sentiment ta’ persuna li tibqa’ tixxennaq għal xi ħaġa li diġà ntemmet, anke jekk tkun għadha mhix lesta taċċetta dak it-tmiem.
B’hekk, Desiderius mhux biss jirrappreżenta pass ieħor fil-vjaġġ mużikali ta’ Jake, iżda wkoll proġett personali li jgħaqqad l-esperjenzi tiegħu barra minn Malta mal-emozzjonijiet u l-ħsibijiet li ispirawh biex joħloq mużika ġdida. L-album Desiderius, prodott minn David Vella ta’ Temple Studios, huwa disponibbli biex jinstema’ fuq Spotify.