“F’Għajnejja Dejjem Se Tibqgħu T-Tfajliet Żgħar Tiegħi” – Il-Messaġġ Emozzjonanti Ta’ Marvic Fenech Lil Martina U Edera

Jum speċjali għall-kantanta lokali Martina Fenech u oħtha t-tewmija Edera, li llum qed jiċċelebraw għeluq il-25 sena tagħhom. F'din l-okkażjoni, ommhom Marvic Fenech iddedikatilhom messaġġ mill-qalb fuq il-mezzi soċjali, mimli mħabba, memorji u kliem ta’ kuraġġ.

Marvic bdiet billi fakkret l-ewwel darba li żammet liż-żewġt ibniet tagħha f’dirgħajha, waqt li stqarret li għadha tiftakar idejhom ċkejknin u l-mument li fih bidlulha ħajjitha għal dejjem. Tul il-messaġġ tagħha, hija esprimiet kemm tinsab kburija bin-nisa li saru llum, filwaqt li semmiet kif din l-aħħar sena kienet waħda partikolarment speċjali għat-tnejn li huma, kull waħda bil-mod tagħha.

Marvic kompliet billi fakkrithom li, minkejja l-isfidi li tista’ ġġib magħha l-ħajja, hi dejjem se tkun hemm għalihom. "Għandkom mnejn illum tagħlqu 25 sena, iżda f’għajnejja dejjem se tibqgħu t-tfajliet żgħar tiegħi," kitbet Marvic. Martina hija magħrufa fix-xena mużikali lokali, filwaqt li oħtha Edera kisbet ukoll popolarità permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fir-reality show Love Island Malta minbarra l-fatt li timmudella.

Marvic temmet il-messaġġ tagħha billi awguratilhom ħajja mimlija ferħ, imħabba, saħħa u opportunitajiet sbieħ, filwaqt li reġgħet esprimiet l-imħabba bla qies li għandha lejhom. Awguri mill-qalb lil Martina u Edera f'dan il-jum speċjali!

Ritratt:

Facebook / Marvic Fenech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI