Awguri Lil Gaia Cauchi Li Illum Tiċċelebra Għeluq Sninha – Minn Rebħa Storika Fil-Junior Eurovision Għal Karriera Mimlija Suċċessi!

Illum tiċċelebra għeluq sninha l-kantanta u preżentatriċi Maltija Gaia Cauchi, artista li minkejja l-età żgħira tagħha diġà għandha karriera mimlija esperjenzi u suċċessi kemm f'Malta kif ukoll barra minn xtutna. Lil Gaia sirna nafuha aktar mill-qrib fl-2013, meta għamlet l-istorja bħala l-ewwel kantanta Maltija li rebħet il-Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetta The Start, rebħa li żgur tibqa' mfakkra minn ħafna Maltin.

Minn dak iż-żmien 'l hawn, Gaia kompliet tikber artistikament. Rajnieha tipparteċipa fil-festival Mużika Mużika bil-kanzunetti Kewkba Feġġejja u Mill-Qalb, filwaqt li regolarment tkompli toħroġ mużika oriġinali tagħha.

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll is-suċċess tagħha f'The Voice Kids Malta, fejn bħala mentor irnexxielha twassal lil Beppe għar-rebħa tal-programm. Esperjenza oħra li wriet il-ħila tagħha mhux biss bħala kantanta, iżda wkoll bħala persuna kapaċi tiggwida u tgħin talenti ġodda jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

Din is-sena kienet waħda interessanti għal Gaia anke fil-qasam tal-preżentazzjoni. Aktar kmieni din is-sena rajnieha tippreżenta l-Malta Eurovision Song Contest, filwaqt li aktar riċenti kellha wkoll l-opportunità li tippreżenta l-Junior Eurovision.

Gaia fil-passat riċenti esprimiet ix-xewqa tagħha li xi darba tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest. Tgħid l-2027 se tkun is-sena li narawha tikkompeti biex tikseb il-biljett għal dan il-festival prestiġjuż? Żgur li tkun esperjenza interessanti li narawha terġa' tipprova tirbaħ l-Ewropa, din id-darba fuq il-palk tal-Eurovision tal-kbar!

F'dan il-jum speċjali, minn qalbna nawguraw lil Gaia sena mimlija saħħa, ferħ, imħabba u aktar suċċessi! Awguri mill-qalb, Gaia!

Ritratt:

Facebook / Gaia Cauchi

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI