L-ERA U L-MCAST Jagħtu Ħajja Ġdida Lit-Tessuti Mormija Permezz Tal-Moda Sostenibbli

tabella ERA

L-iskart minn flokkijiet tal-polo u biċċiet ta’ drapp li m'għadhomx jintużaw ingħataw ħajja ġdida permezz ta’ proġett ta’ moda sostenibbli, li ġie ppreżentat minn studenti tal-MCAST waqt workshop u sfilata tal-moda li saru fil-Malta International Contemporary Art Space (MICAS).

Il-proġett kien maħsub mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), b’kollaborazzjoni mal-MCAST, bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tas-sostenibbiltà fl-industrija tal-moda u kif l-iskart tat-tessuti jista’ jitnaqqas permezz tar-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid u d-disinn kreattiv.

Waqt il-workshop, l-istudenti kellhom l-opportunità jitgħallmu tekniki differenti, fosthom knitting, crochet u macramé, filwaqt li ntużaw ukoll pigmenti naturali mill-Indja biex jingħata kulur lill-materjali.

Waħda mill-inizjattivi kienet installazzjoni magħmula minn flokkijiet bojod tal-polo li setgħet tiġi żarmata u mibdula f’boroż tax-xiri li jistgħu jerġgħu jintużaw.

Il-workshop kompla bi sfilata tal-moda li fiha ġew ippreżentati kollezzjonijiet maħluqa mill-istudenti tal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, bl-użu ta’ madwar 700 flokk tal-polo li m'għadx hemm użu, u drappijiet li kien fadal minn proċessi oħra.

Id-Deputat Prinċipal tal-MCAST, Dr Ing. Stephen Sammut, saħaq li l-valur ta’ inizjattivi bħal dawn imur lil hinn mid-disinji finali, għaliex jagħtu lill-istudenti l-opportunità jesperimentaw, jaħsbu b’mod kritiku u jaraw potenzjal f’materjali li normalment jitqiesu bħala skart.

Min-naħa tagħha, id-Deputat Direttur tal-ERA, Suzanne Gauci, qalet li s-sostenibbiltà mhix limitazzjoni għall-kreattività, iżda tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni u innovazzjoni.

Hi spjegat li l-proġett juri kif, billi nbiddlu l-mod kif nużaw ir-riżorsi tagħna, nistgħu nnaqqsu l-iskart u nikkontribwixxu għal ekonomija aktar ċirkolari u sostenibbli.

Din il-kollaborazzjoni tirrifletti wkoll l-importanza tas-sħubija bejn l-edukazzjoni u l-għarfien ambjentali sabiex jinħolqu soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi ambjentali.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI