Il-Baħrija Tal-Oleandru – Insett Mill-Isbaħ Li Qed Jiżdied Ftit Lokalment

dud

Waħda mill-isbaħ baħrijiet u li storikament kienet fost l-aktar rari fil-gżejjer Maltin, l-Oleander Hawk-moth (Daphnis nerii), ġiet osservata riċentement bħal xagħat min-naturalista u riċerkatur Malti Arnold Sciberras, ġewwa l-guva tiegħu.

Din il-baħrija spettakolari tingħaraf mill-kamuflaġġ impressjonanti tagħha, mill-ilwien u d-disinji elaborati ta’ lewn aħdar taż-żebbuġa, u mill-firxa ta’ ġwinħajha li tista’ tilħaq madwar 12-il ċentimetru. Hi speċi prinċipalment migratorja, mifruxa fl-Afrika, fin-Nofsinhar tal-Asja u f’partijiet mir-reġjun Mediterranju.

Storikament, din l-ispeċi kienet estremament rari fil-gżejjer Maltin. L-ewwel rekord dokumentat imur lura għall-1943, meta Carmelo Delucca ġabar kampjun fil-Furjana.

Kampjun ieħor instab fil-Ġonna tal-Argotti fl-1955. Kellhom jgħaddu kważi tletin sena qabel ma ġie rreġistrat it-tielet kampjun, fiż-Żurrieq fl-1984. Fl-1998 instabet ukoll pupa mejta fil-viċinanzi tat-tempji tal-Imnajdra.

Interessanti li mill-2016 ’il quddiem, ir-rekords ta’ din l-ispeċi bdew jiżdiedu, b’osservazzjonijiet f’San Ġwann, Ta’ Ġiorni, Birkirkara, Pembroke, ir-Rabat u Ta’ Qali. F’Novembru tal-2018, din l-ispeċi ġiet irreġistrata uffiċjalment għall-ewwel darba f’Għawdex, fix-Xagħra.

Skont Sciberras, minkejja li fl-aħħar snin żdiedu l-osservazzjonijiet ta’ din il-baħrija , għadha speċi mhux komuni u relattivament rari f’pajjiżna.

Il-pjanta ewlenija li fuqha jitimgħu x-xagħat tagħha hija d-difla (Nerium oleander), pjanta komuni ħafna fil-Gżejjer Maltin, partikolarment fil-ġonna, mal-ġnub tat-toroq u fi spazji pubbliċi. L-abbundanza ta’ din il-pjanta toffri kundizzjonijiet favorevoli biex din l-ispeċi tkun tista’ tirriproduċi lokalment.

Sciberras saħaq fuq l-importanza li din l-ispeċi tiġi mħarsa u kkonservata, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex japprezza u jirritratta dawn il-ħlejjaq minflok jaqbadhom jew jagħmlilhom il-ħsara. Anke l-evitar tal-użu bla bżonn tal-pestiċidi fuq il-pjanti li minnhom jitimgħu x-xagħat jista’ jgħin fil-konservazzjoni tagħha.

Minkejja għexieren ta’ snin iddedikati għall-istudju tan-natura Maltija, Sciberras esprima l-ferħ u l-eċitament kbir tiegħu li sab din ix-xagħat ta' din il-baħrija mill-isbaħ proprju fil-guva tiegħu.

Huwa ddeskriva din is-sejba bħala wieħed minn dawk il-mumenti speċjali li jkomplu jsaħħu l-passjoni tiegħu bħala naturalista u l-imħabba tiegħu lejn il-wirt naturali ta’ pajjiżna.

Ritratt:

Arnold Sciberras

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI