Il-kantanta lokali Megan May qasmet riflessjoni xahar wara xahar dwar dak li għaddiet minnu tul din is-sena. Fosthom il-mawra tagħha lejn Londra u s-suċċessi li kisbet b'tant ħidma.
"Dawk qrib tiegħi jafu kemm kienet sena diffiċli din. Kont nara lill-ħbieb tiegħi inkwetati... Issa nidħak dwarha, imma kienet tassew iebsa għal tfajla sensittiva bħali. Jien dejjem nipprova nara n-naħa pożittiva, imma l-ħajja tefgħetli tant affarijiet li kien diffiċli biex ma nibdiex niddubita u, xi drabi, nitlef it-triq."
Megan kellha mumenti fejn bdiet tħoss li kellha xi falliment, jew li forsi ħadet xi deċiżjonijiet żbaljati, iżda wara riflessjoni tajba li għamlet fehmet kemm għandha tħossha grata.
"Għandna nkunu ħafna aktar ġentili magħna nfusna u ma’ xulxin! Din is-sena, illum, din is-siegħa... jiġu darba biss," tagħlaq Megan.
Aħna mit-tim ta' Gwida.mt fil-fatt nixtiequ nifirħu mill-qalb għal dak kollu li qed twettaq Megan! Tassew tfajla mimlija talent u determinata!