Aiden Glanville – Ġuvni Ta’ 16-Il Sena Li Kiteb Ktieb Bil-Qliegħ Kollu Jmur B’Risq Puttinu Cares

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Puttinu Cares laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Aiden Glanville, ġuvni li għandu 16-il sena u li rnexxielu jippublika ktieb. Il-flus kollha li ser jaqla’ minn dan il-ktieb se jmorru kollha għal Puttinu Cares!

Huma qalu, “Minn ‘free lesson’ - għal ktieb b’qalb kbira għal Puttinu! Hekk beda l-vjaġġ ta’ Aiden Glanville, ġuvni ta' 16-il sena u student fis-Sixth Form ta' De La Salle. Ftit tas-snin ilu, waqt "free lesson" fis-sekondarja, ddeċieda li jikteb paragrafu żgħir bl-Ingliż, u li minnu ġietu l-idea li jkompli jiżviluppah f'kitba għal ktieb, li ħa l-isem ta' ‘It's not a drill’. Aiden dejjem kellu x-xewqa li jippublika dan il-ktieb u l-qliegħ kollu jmur b'risq Puttinu Cares li 9 snin ilu kienu assistew proprju lil missieru fi żmien li kien qed jikkumbatti l-marda tal-kanċer fl-Ingilterra.”

Żiedu, “Illum il-ġurnata, missier u omm Aiden jistgħu jaraw li l-ħolma li binhom Aiden tant kien jixtieq, waslet. Il-ktieb pie ppubblikat, u se jinbiegħ bil-flus kollha jmorru għal Puttinu, biex bħalma safa mgħoti għajnuna missier Aiden, jkomplu jingħataw għajnuna aktar Maltin li jkunu għaddejjin minn dawn id-diffikultajiet. Il-ktieb huwa rakkont fittizju bil-lingwa ingliża, li joħodna lura fis-seklu l-ieħor ġewwa Bristol fir-Renju Unit, fejn tfajjel fqir jipprova jwaqqaf pjan qerriedi li jkun qed jinħema f'industrija ewlenija tal-vapuri. Dan il-ktieb huwa adattat għal kull eta.”

Qalu wkoll, “Il-ktieb jista jinxtara mill-ufficcju ta' Puttinu Cares ġewwa l-isptar tal-Onkologija, l-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta), l-Kunsill Lokali taż-Żejtun jew Casa Moderna Żebbug għal prezz ta' 10 ewro u li se jmorru kollha bħala donazzjoni għal Puttinu Cares. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq 79002176.”

Prosit kbira ta’ dan il-ġest, u awguri kbira għall-futur!

Facebook/Aiden Glanville

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI