Il-ġenituri qed jiġu mwissija biex jaħsbu sew qabel itellgħu ritratti jew filmati ta’ wliedhom fuq il-midja soċjali, hekk kif qed jiżdied it-theddid li dawn jistgħu jintużaw ħażin permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali.
F'intervista mat-Times of Malta, is-Supretendent Anna Marie Xuereb mit-Taqsima taċ-Ċiberkriminalità qalet, li ladarba ritratt jitpoġġa fuq l-internet, il-ġenituri jitilfu l-kontroll fuqu. “Kieku n-nies jaraw dak li naraw aħna fix-xogħol tagħna, ma kinux jaqsmu ritratti ta’ wliedhom fuq il-midja soċjali,” spjegat.
Il-Pulizija wriet li ritratti u filmati li jidhru innoċenti jistgħu jispiċċaw f’idejn persuni b’intenzjonijiet ħżiena u jiġu manipulati bl-użu tal-AI biex jinħolqu immaġnijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal.
Għalkemm f’Malta ma ġewx ikkonfermati każijiet fejn ritratti ta’ tfal Maltin ġew użati b’dan il-mod, il-Pulizija enfasizzat li l-internet m’għandux fruntieri u dan ma jfissirx li t-tfal Maltin huma aktar siguri.
L-Ispettur Matthew Sacco qal, li anke stickers jew emojis fuq wiċċ it-tfal ma joffrux protezzjoni vera, peress li jistgħu jitneħħew faċilment. Huwa appella, biex ir-ritratti jinqasmu biss ma’ persuni fdati u b’attenzjoni kbira.
Il-Kummissarju għat-Tfal ukoll appella lill-ġenituri biex jaħsbu dwar il-footprint diġitali li qed joħolqu għal uliedhom u jistaqsu jekk kull ritratt hux verament meħtieġ li jinqasam online
Facebook/Times of Malta