AIDAN Jispiċċa F’Idejn Il-Pulizija

Il-kantant lokali AIDAN li rajnieh fil-Malta Eurovision bil-kanzunetta Dai Laga fl-aħħar edizzjoni li ttellgħat, spiċċa f’idejn il-pulizija. Ma kinitx xena pjaċevoli xejn għal kantant żagħżugħ, hekk kif f’daqqa waħda tfaċċaw sitt karozzi tal-pulizija u madwar għoxrin pulizija fuq il-post. Barra minn hekk anke ambulanza bi tliet infermiera tfaċċat fuq il-post.

Dan kollu ġara waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali li l-kantant għadu kif nieda tal-kanzunetta The Feeling. AIDAN tkellem ma’ Gwida.mt, fejn qalilna li spiċċa f’din is-sitwazzjoni wara li daħħlu xi rapporti li hemm żewġ żagħżagħ mal-art b’xi pistola f’idejhom. Il-kantant qalilna li qalbu waqfet xħin ra dan kollu jseħħ quddiemu. Ngħiduha kif inhi, minn kif spejgalna kienet qisha xena tal-films.

Il-kantant kompla jgħidilna li talbuh id-dettalji tiegħu imma bl-istess qatgħa li kellu fuqu anke ismu nesa, hu u l-mudella li kellu miegħu spiċċaw bla kliem. Wara li ikkalmaw ftit l-affarijiet, il-kantant ura l-permessi kollha meħtieġa u anke l-karti ta’ minn fejn krew il-props li kienu qed jintunżaw għal dan il-vidjow mużikali.

Kienu qed jiffilmjaw ġewwa l-Kalkara u l-maġġoranza tal-krew dak il-ħin kien jinsab jistkenn taħt gazebo. AIDAN qalilna li din ix-xena partikolari riedet tkun bla nies, kienu fi triq fejn ma kien hemm ħadd, ħadd ħlief il-mudella u hu ma’ żewġ membri tal-krew. Fl-aħħar mill-aħħar is-surġent inkarigat fehem eżatt x’kien qed jiġri u setgħu jkomplu jiffilmjaw.

Il-filmat ta’ din il-kanzunetta għadu kif tnieda, u ċert li ħa jibqa’ fil-memorja tal-kantant għal dejjem wara storja bħal din. Ironikament il-kanzunetta, b’kitba tiegħu stess li għadu kif nieda jisimha The Feeling u nistgħu ngħidu li ħallietlu ħafna emozzjonijiet. Emozzjonijiet diversi; minn biża’, għal stagħġib, għal tensjoni li nbiddlu malli kollox ġie solvut.

Tajjeb li ngħidu li din il-kanzunetta, kif tistgħu tisimgħu intom, għandha ħoss kontemporanju għall-aħħar u ma ndumux ma narawha tagħmel suċċess fuq l-istazzonijiet tar-radju lokali. Minn hawn nawguraw lil AIDAN aktar suċċessi fil-karriera mużikali tiegħu.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI