AIDAN qed ikompli jħalli l-marka tiegħu lil hinn minn xtutna, hekk kif il-mużika u l-viżjoni artistika tiegħu servew ta’ ispirazzjoni għal produzzjoni teatrali ġdida fir-Rumanija bl-isem Eclipse of Mdina. Din il-produzzjoni, miktuba mid-drammaturga Rumena Andreea-Cristina Mihalache, tikteb thriller drammatiku li jgħaqqad l-arti, l-imħabba u l-misteru, bi sfond li żgur se jkun familjari għall-udjenza Maltija – l-Imdina u Għawdex.
L-idea għal din il-produzzjoni twieldet mill-esperjenza personali tal-awtriċi waqt żjara f’Malta, fejn saħħritha l-atmosfera unika tal-Imdina. Fl-istess waqt, Mihalache sabet ispirazzjoni fid-dinja artistika ta’ AIDAN, li kellha l-opportunità tiltaqa’ miegħu kemm f’Malta kif ukoll fir-Rumanija.

Il-karattru prinċipali tal-istorja, li jismu Aidan, huwa mużiċist ta’ suċċess li l-ħajja tiegħu tinbidel hekk kif isib ruħu f’dinja mimlija manipulazzjoni, interessi kummerċjali u sfidi personali. Madankollu, tajjeb li jiġi ċċarat li AIDAN innifsu mhux se jkun qed jieħu sehem fil-produzzjoni, iżda l-karattru huwa ispirat mill-mużika u l-viżjoni artistika tiegħu.
Il-produzzjoni tesplora temi bħall-libertà artistika, l-imħabba, il-manipulazzjoni u l-ġlieda biex wieħed jibqa’ leali lejn l-identità tiegħu f’industrija tad-divertiment li dejjem qed issir aktar kummerċjali.

It-tliet karattri ewlenin, Aidan, Christina u Marcus, se jingħataw il-ħajja minn Cezar Costache, Monica Vîlcu u Gabriel Catană, tliet atturi żgħażagħ Rumeni li jagħmlu parti mill-assoċjazzjoni teatrali indipendenti We Are Art (WAA).
Eclipse of Mdina se tittella’ fl-10 ta’ Diċembru 2026, fis-19:30, fil-Little Paris Museum f’Bukarest, ir-Rumanija. Din il-produzzjoni mhux biss turi kif il-mużika ta’ artist Malti tista’ tispira xogħol artistiku internazzjonali, iżda sservi wkoll bħala ġieħ lill-ġmiel, lill-istorja u lill-atmosfera kulturali ta’ Malta.

Bla dubju, opportunità oħra biex l-arti u l-kultura Maltija jkomplu jiksbu viżibbiltà lil hinn minn xtutna!