Aktar Talent, Aktar Emozzjoni – Brillanti Dance Bit-Tieni Ġimgħa Ta’ Awdizzjonijiet

Wara bidu b’saħħtu u ta’ suċċess fl-ewwel ġimgħa tal-awdizzjonijiet, Brillanti Dance qed jirritorna fuq ONE b’episodju ieħor mimli talent, emozzjoni u prestazzjonijiet spettakolari. F’din it-tieni ġimgħa, aktar żgħażagħ minn Malta u Għawdex se jitilgħu fuq il-palk ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, bit-tama li jimpressjonaw lill-ġurija u javvanzaw fil-kompetizzjoni.

Il-kontestanti se jkunu qed jiġu ġġudikati minn ġurija ta’ fama internazzjonali, komposta minn Brenda Lee Grech, Andrea Attila, Emanuele Battista u Sol Gilgorri, hekk kif jikkompetu għall-premju finali ta’ €30,000 biex ikomplu jiżviluppaw it-talent tagħhom fiż-żfin.

Matul l-episodju ta’ din il-ġimgħa, it-telespettaturi se jkollhom l-opportunità jaraw firxa wiesgħa ta’ stili u livell għoli ta’ kreattività. Fost il-prestazzjonijiet mistennija hemm iż-żfin akrobatiku taż-żewġ żgħażagħ promettenti Sofia Suma u Varvara Safonova, kif ukoll il-wirjiet ta’ Faye Papagiorcopolo u Ella Sciberras. Mistennija wkoll prestazzjonijiet minn Kristy Pellicano u mid-duo Yana Boskovic u Zoe Galea, li se jippruvaw jikkonvinċu lill-ġurija sabiex jgħaddu għall-fażi li jmiss.



L-episodju se jinkludi wkoll l-istorja ta’ Alessandra Giuliano, omm ta’ 40 sena li tgħix u tieħu n-nifs għaż-żfin, kif ukoll ir-ritorn fuq il-palk ta’ Federica Nicastro, meqjusa bħala waħda mill-aktar talenti magħrufa fix-xena taż-żfin lokali.



Ma jonqsux lanqas il-mumenti ta’ sorpriża, hekk kif Cassiel Bonavia jitla’ fuq il-palk b’eżibizzjoni li mistennija tqajjem reazzjonijiet qawwija, filwaqt li għall-ewwel darba fil-programm se naraw lil Sara Abela tippreżenta ż-żfin fl-ajru. Episodju li jwiegħed li jħalli impatt hu wkoll dak ta’ Marie Malazati, li l-prestazzjoni tagħha mistennija tħalli marka kemm fuq il-ġurija kif ukoll fuq it-telespettaturi.

Brillanti Dance jixxandar nhar l-Erbgħa li ġej fid-20:35 fuq ONE.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI