L-organizzaturi ta’ SummerLust, Għaxaq Music Events, ħabbru bidla importanti fil-programm tal-festival ta’ din is-sena hekk kif il-grupp leġġendarju Ġermaniż Alphaville se jkun qed jieħu post Bonnie Tyler fit-tieni serata tal-festival nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju ġewwa l-Grounds ta’ Ħal Għaxaq.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li Bonnie Tyler kellha tiddaħħal l-isptar b’urġenza waqt li kienet ġewwa Faro, il-Portugal, fejn għaddiet minn operazzjoni maġġuri u bħalissa qed tirkupra.

L-organizzaturi spjegaw li fi żmien qasir ħafna rnexxielhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa biex Alphaville jiġu Malta għal spettaklu speċjali mimli suċċessi magħrufa madwar id-dinja, fosthom Forever Young, Big in Japan u Sounds Like a Melody.
Huma sostnew li l-għan ewlieni tagħhom kien li l-pubbliku li kull sena jattendi bi ħġaru għall-festival xorta jkun jista’ jgawdi minn lejl memorabbli ta’ mużika live ġewwa Ħal Għaxaq. Fl-istess waqt huma rringrazzjaw lil Alphaville talli aċċettaw l-istedina fi żmien daqshekk qasir u awguraw fejqan ta’ malajr lil Bonnie Tyler.

Il-kunċert se jkun akkumpanjat ukoll minn diversi artisti Maltin, fosthom Glen Vella flimkien mal-band tiegħu, kif ukoll il-mistednin speċjali Gaia u Matt Black. Il-grupp Projekt se jiftaħ is-serata filwaqt li DJ Sue se tagħlaq il-festival.
Id-dħul għall-kunċert ta’ Alphaville se jkun mingħajr ħlas, għalkemm se tintalab donazzjoni b’risq Dar Bjorn. Min jixtieq postijiet VIP jew bilqiegħda jista’ jakkwista biljett online permezz ta’ ShowsHappening.

L-organizzaturi appellaw ukoll lil dawk li kienu diġà xtraw biljett għall-kunċert ta’ Bonnie Tyler biex iżuru l-paġna uffiċjali ta’ SummerLust fuq Facebook għal aktar informazzjoni dwar il-biljetti tagħhom. Il-festival SummerLust qed isir taħt il-patroċinju ta’ Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Facebook / Alphaville Live