Andrew Mountbatten-Windsor ġie arrestat fuq suspett ta’ nuqqas serju ta’ aġir xieraq f’kariga pubblika, skont rapport tal-BBC li xxandar aktar kmieni llum.
Ritratti li dehru fil-midja juru vetturi jaslu f’Sandringham Estate f’Norfolk dalgħodu kmieni, wara li l-Thames Valley Police ikkonfermat li qed tevalwa lment relatat ma’ allegat qsim ta’ materjal kunfidenzjali mill-eks Prinċep u Jeffrey Epstein, li kien instab ħati ta’ reati sesswali u li issa huwa mejjet.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Liam Byrne, chairman tal-kumitat parlamentari dwar in-Negozju u l-Kummerċ, qal fuq il-programm Today ta’ Radio 4 li Membri Parlamentari qed jikkunsidraw li jinvestigaw lil Andrew dwar l-imġiba tiegħu matul iż-żmien tal-2001 u l-2011, meta kien jaħdem fil-qasam pubbliku.
Skont l-aħħar fajls ippubblikati mid-US Department of Justice, jidher li l-eks Prinċep allegatament bagħat dokumenti sensittivi tal-gvern u informazzjoni kummerċjali lil Epstein. Andrew dejjem ċaħad kull allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ aġir xieraq.
Byrne sostna li l-allegazzjonijiet qed jittieħdu “b’serjetà akuta” mill-Membri Parlamentari, u żied jgħid li l-MPs mhumiex lesti li jħallu xejn jibqa’ għaddej. Huwa spjega li r-rwol tiegħu bħala chairman huwa li jiżgura li l-għażliet kollha jkunu fuq il-mejda meta l-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ fil-jiem li ġejjin.
F’dikjarazzjoni, Thames Valley Police qalet, “Bħala parti mill-investigazzjoni, illum (19/2) arrestajna raġel fis-sittinijiet tiegħu minn Norfolk fuq suspett ta’ misconduct in public office u qed nagħmlu tfittxijiet f’indirizzi f’Berkshire u Norfolk.”
L-investigazzjoni għadha għaddejja.
Facebook / BBC Breakfast